Monday, December 9, 2024

Persuni midruba wara li karozza daħlet fil-folla fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Bosta persuni indarbu, uħud minnhom serjament, wara li karozza baqgħet dieħla fuq il-folla barra grawnd fil-belt Ċiniża ta’ Zhuhai nhar it-Tnejn filgħaxija. Is-sewwieq, raġel ta’ 62 sena, ġie arrestat immedjatament wara li seħħ l-inċident.

Rapporti lokali jistmaw li mill-inqas 20 persuna ntlaqtu u weġġgħu waqt li kienu qed jagħmlu eżerċizzju fiżiku fiċ-Ċentru Sportiv ta’ Zhuhai, u ttieħdu l-isptar. L-inċident seħħ minkejja sigurtà akbar fil-belt, li qed tospita airshow maġġuri ċivili u militari.

Il-biċċa l-kbira tal-filmati tal-inċident li tpoġġew fil-midja soċjali Ċiniża min-nies li kienu preżenti waqt l-inċident tneħħew, iżda xi filmati li għadhom qed jiċċirkolaw onlajn juru ħafna nies mixħutin fl-art qed jiġu kkurati minn paramediċi u persuni li kienu fil-qrib. Xi wħud mill-vittmi deher li kienu mitlufin minn sensihom.

Raġel li ra l-inċident iseħħ, qal lill-magazin tal-aħbarijiet Ċiniż Caixin li mill-inqas sitt gruppi ta’ nies inġabru fl-istadium għall-mixjiet regolari tagħhom meta seħħ l-inċident. Il-gruppi jużaw mogħdija tal-mixi madwar il-perimetru tal-istadium.

Huwa qal li l-grupp tiegħu kien għadu kif lesta t-tielet dawra madwar l-istadium meta f’daqqa waħda karozza baqgħet dieħla fuqhom b’veloċità qawwija u laqtet ħafna min-nies. Fost dawk midruba kien hemm anzjani, żgħażagħ kif ukoll tfal.

Mhux ċar jekk l-inċident kienx marbut mal-Airshow China li beda minn post 40km bogħod mill-istadium. Fl-Airshow, iċ-Ċna qed turi l-aħħar ajruplani militari tagħha u d-drones tal-attakk waqt l-ispettaklu u l-ogħla uffiċjal Russu Sergei Shoigu kien mistenni jattendi.

Iċ-Ċina rat sensiela ta’ attakki vjolenti fuq membri tal-pubbliku fl-aħħar xhur. F’Settembru, raġel qatel tliet persuni u darab diversi oħrajn b’daqqiet ta’ sikkina f’supermarket f’Shanghai,.

Fl-stess xahar, student Ġappuniż taʼ 10 snin miet jum wara li ngħata daqqa taʼ sikkina ħdejn l-iskola tiegħu fin-Nofsinhar taċ-Ċina.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport