Tuesday, December 24, 2024

Għexieren imutu wara li spiċċaw mgħaffġa f’inċident fi skola fil-Yemen

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 78 persuna nqatlu wara li spiċċaw mgħaffġa f’inċident fi skola fil-kapitali tal-Yemen, Sanaa, waqt li kienet għaddejja attività ta’ karità għar-Ramadan. Filmati fuq il-midja soċjali wrew xeni kaotiċi wara l-inċident fiż-żona Bab-al-Yemen.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrapportat li mijiet ta’ nies kienu daħlu fl-iskola biex jingħataw donazzjonijiet li kienu jammontaw għal madwar $9 għal kull persuna.

Il-Ministeru tal-Intern tal-pajjiż qal responsabbli mid-distribuzzjoni kienu arrestati u għaddejja wkoll investigazzjoni b’rabta ma’ dan l-inċident. Kelliem għall-Ministeru tefa’ l-ħtija tal-inċident fuq “id-distribuzzjoni każwali” ta’ fondi mingħajr ebda kordinazzjoni mal-uffiċjali lokali.

Qed ikun irrapportat ukoll li xejn inqas minn 13-il persuna oħra jinsabu f’qagħda kritika. Fost il-persuni mejta kien hemm ukoll nisa u tfal.

Xhieda li kienu fuq il-post tkellmu mal-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press fejn qalet li l-ġellieda Houthi kienu sparaw fl-ajru f’attentat li jikkontrollaw il-folla, u allegatament laqtu wire tad-dawl li wassal għal splużjoni. Kien dan li ngħad li kkawża paniku li wassal għat-tgħaffiġ.

Ekonomija

Sport