Friday, December 13, 2024

“Għidt li jekk il-Papa jiġi Malta żgur se jkun hemm parti ddedikata għar-refuġjati”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Malli smajt li hemm il-ħsieb li l-Papa ġej Malta, mhux issa jiġifieri meta kien ġej qabel u kollox kien lest hawnhekk iżda twaqqaf kollox minħabba l-pandemija tal-Covid, mill-ewwel antiċipajt u għidt li żgur jekk jiġi Malta se jkun hemm parti iddedikata għar-refuġjati.”

Hekk qal lil Talk.mt Patri Dijonisju Mintoff f’kummenti li ta ftit wara li tħabbar li fiż-żjara tiegħu f’April li ġej, fost il-postijiet li se jkun qed iżur il-Papa Franġisku se jkun hemm dak ta’ Ħal Far. Patri Mintoff imexxi l-Laboratorju tal-Paċi, post li nħoloq bil-għan li joffri dinjità lil dawk l-immigranti li jkunu qed ifittxu l-ażil.

Patri Mintoff aċċenna għall-fatt li l-ewwel ħarġa tal-Papa Franġisku kienet f’Lampedusa fejn mar iżur lir-refuġjati fejn għamel diskors sabiħ fuq ir-refuġjati. “Imbagħad xtaq iqaddes għalihom u ma kienx hemm xejn armat u qalulu ‘fejn se tqaddes f’xi knisja?’, qalilhom iżda ‘le se nqaddes fejn jinżlu huma. Insib dgħajsa mkissra u nqaddes fuqha.’ U hekk għamel. Din hija ġrajja li għalija baqgħet timpressjonani. Kienu tawha publiċità kbira u bir-raġun għax mill-bidu tinduna fejn qed iħares fil-futur tiegħu bħala Papa.” Fil-fatt, iż-żjara tiegħu qalb ir-refuġjati f’Lampedusa kienet mequsa bħala avvenimenti indimentikabbli li biha żvela lid-dinja x’se jkun l-istil tal-pontifikat tiegħu. Il-Papa kien ħass li kellu jmur lejn dik il-gżira, simbolu ta’ wġigħ u tama għal ħafna, mimsus bl-aħbar rikorrenti ta’ migranti li mietu jippruvaw jaqsmu l-Mediterran.

Patri Mintoff tkellem ukoll dwar il-fatt li meta għalaq 90 sena, il-Papa Franġisku kien kitiblu personalment u fl-ittra li bagħtlu huwa rringrazzjah għall-vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża tiegħu bħala Franġiskan, u għall-ħajja iddedikata lill-qadi tal-Knisja. Għal dan, Patri Mintoff qal li dan ifisser li diġà kien jaf bil-post tiegħu.

“Meta għamel l-ewwel mossa tiegħu bħala Papa f’Lampedusa, ma stajtx ma ngħidx dan kemm iħobbhom ir-refuġjati”

Patri Dijonisju Mintoff

“Meta ħmistax ilu l-Papa tkellem man-neputi tiegħu, li huwa Patri wkoll, u kelmu fuq il-ħajja tas-saċerdot u l-ħajja tal-knisja tal-lum, elenkalu fost l-oħrajn illi l-knisja trid tibda b’evanġelizzazzjoni differenti minn ta’ qabel u trid tgħix mal-foqra. Qal ukoll ħaġa oħra, ċar u tond, li mhux imbilli toqgħod tmur tipprotesta u twaħħal il-karti, qal din trid tkun – tkun wieħed minnhom. Allura jien ma stajtx meta għamel l-ewwel mossa tiegħu bħala Papa f’Lampedusa, ma ngħidx dan kemm iħobbhom ir-refuġjati… u kont tajjeb meta ħsibt hekk għax hekk ġara,” irrakkonta Patri Mintoff, filwaqt li rrefera għal ritratt ta’ monument li bena għalihom ġewwa Pjazza San Pietru u qabbad artist famuż Kanadiż li għamel dan il-monument. Il-monument “Angels Unaware” tal-artist Kanadiż Timothy P. Schmalz turi 140 migrant li jvarjaw minn raġel Lhudi li jaħrab mill-Ġermanja Nażista sa refuġjat Sirjan li jaħrab mill-gwerra ċivili. L-artist kien qal li ġie ispirat mis-silta li tgħid: “Tinsewx turu ospitalità lill-barranin, għax b’hekk xi nies wrew ospitalità lill-anġli mingħajr ma kienu jafu.”

“L-iktar ħaġa diffiċli mhix li tagħmel iż-żgħir, kbir imma hija li tagħmel il-kbir, żgħir

Ma’ dan il-ġurnal, Patri Mintoff qal: “Kulħadd huwa importanti. II-bniedem huwa xbieha ta’ Alla malli ttih xbieha oħra, qed tiċħad dak il-wiċċ t’Alla. Alla jilbes wiċċu f’dawn in-nies u inti tneżżagħulhom jekk iġġib affarijiet oħra. Issa mbagħad min-naħa l-oħra, trid iżżomm f’rasek ukoll li tagħmel li tista’. Jekk jien żgħir ma nistax nagħmel affarijiet kbar imma li nista’ nagħmlu, għax imbagħad affarijiet żgħar isiru kbar. L-iktar ħaġa diffiċli mhix li tagħmel iż-żgħir, kbir imma l-iktar ħaġa diffiċli hija li tagħmel il-kbir, żgħir.”

Patri Mintoff innota wkoll li l-Papa mar diversi postijiet. “Kull fejn mar, jekk mhux mal-foqra, jiltaqa’ mal-batuti, jiltaqa’ ma’ dawk li mhumiex fiċ-ċentru tal-belt jew il-pajjiż, jiltaqa’ ma’ dawk li kważi kważi huma fl-istess sitwazzjoni tal-lebrużi żminijiet ilu li ħadd ma jersaq ħdejhom jew idaħħalhom f’darhom. L-ewwel wieħed li ħa ħsieb biex jagħmel l-enfażi fuq l-Afrikani, fejn mhux biss li jgħinu lill-Afrikani imma li tkun hemmhekk u ssir wieħed minnhom u tilqgħu bħalek u mhux inqas minnek. La huwa s-seftur tiegħek, la huwa l-barrani tiegħek imma huwa wieħed minnek u għax wieħed minn familja kbira u batut, bħal kull familja oħra li jkollha persuna batuta fi ħdanha, fejn kulħadd idur magħha biex jgħina, hekk ukoll issa l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida,  li kien qal li se jibda biha hu, din se tkun li nilqa’ lil dawn in-nies u nilqagħhom mhux billi ndaħħalhom fid-dar tiegħi ntihom tazza kafe, imma jfisser li d-dar tiegħi tkun tiegħu u fejn inpoġġi jien, ipoġġi hu u fejn niekol jien, jiekol hu… għax hu ħija u ħija batut. Kif semmejt, jekk fil-familja hemm xi ħadd batut u kulħadd idur miegħu, hekk il-Papa jixtieq li kulħadd idur miegħu.”

Patri Mintoff żied jgħid: “Qal ukoll li jista’ jkun hemm il-biża’ minn dawn in-nies minħabba ħafna raġunijiet oħra bħal tar-reliġjon li jaħsbu li huma Musulmani u għax huma Musulmani ma jiftiehmux magħna u aħna ma niftehmux magħhom… u għax huma Musulmani jipprovaw jaqilbuna Musulmani. Allura jerġa’ jsib ruħu f’dik is-sitwazzjoni li kien hemm kull darba li kien hemm ġlieda reliġjuża u oħra ssir kruċjata biex ikun hemm is-saħħa biex ikolllu ħafna nies miegħu. Allura jagħmel kruċjata biex ikun b’saħħtu u l-ieħor bejn m’għandux flus, bejn m’għandux ħaġa u bejn m’għandux oħra, diġà huwa dgħajjef aħseb u ara tagħmel kruċjata. Issa kruċjata ma kinitx kruċjata ta’ kliem, kienet kruċjata kbira fejn kienu jaħarquhom, fost oħrajn.”

Żied jgħid: “Għalkemm f’kull pajjiż fejn hemm ħafna ġid materjali, joqgħodu attenti kemm jista’ jkun li jgħinu lil min hu fqir imma jgħinu dejjem minn dak li jibqa’. Jiġifieri l-kunċett tal-ewwel nara x’għandi bżonn jien u mbagħad intih. Imma dak ifisser li jkunu qed jirraġunaw b’tali mod li se ttih għax m’għandekx aktar bżonnu int.”

Patri Mintoff tkellem ukoll dwar San Franġisk li kien ordnalhom lill-patrijiet biex imorru jiltaqgħu mal-Musulmani u jitkellmu magħhom. “Mela min hu Franġiskan għandu dan l-irwol. Hawn fejn nidħol jien. Jien Franġiskan u jien obbligat li nsegwi dan l-irwol. Dawn ġew f’Malta fl-2020, daħlet dgħajsa b’200 minnhom. Ħadd ma kien jaf bihom, ħadd ma kien qed jistennihom u kif sabu dgħajsa mimlija suwed. Kien qam paniku kbir dakinhar. Barra li kien qam paniku kbir, qamu dawn l-istejjer ta’ kontroversji fuq il-mezzi tax-xandir, fosthom ‘dawn ġew hawn biex jiħdulna x-xogħol’ u ‘dawn se jagħmluna Musulmani’… u ħadd ma jrid jisma bihom. Kienet hekk l-istorja u tant qam paniku li ttrattawhom b’manjiera li qishom kriminali u daħluhom f’post magħluq b’ċertu regoli. Pero mbagħad bdew jitranġaw l-affarijiet ftit aħjar. Pero issa mbagħad min-naħa l-oħra, huma wkoll iridu jifhmu s-sitwazzjoni tagħna. Jekk jiena għandi dar b’żewġt ikmamar, ma nistax nagħtihom tliet ikmamar għax id-dar tiegħi żgħira. Nirritorna għalina l-Franġiskani… San Franġisk biddel is-sitwazzjoni kollha. Daqs kemm biddel is-sitwazzjoni Kristu ta’ qabel tal-Lhud meta neħħa l-vendetta u s-sinna b’sinna, San Franġisk qalb dawk ir-rikkezzi li kien hawn fid-dinja, qal li se jibda mill-bogħod jixgħel fjamma żgħira u qal ‘nsejjaħ lill-oħrajn kollha jiġu warajna biex jimxu f’dan id-dlam’… u xi darba d-dawl jasal ukoll bl-għajnuna t’Alla. Dik hija parti mill-irwol tagħna bħala Franġiskani. Issa meta dawn waslu Malta, ġabuhom mill-ewwel Ħal Far faċċata tiegħi u smajt l-għajjat, il-biki u l-istejjer tagħhom. Ħadt il-passi kollha li stajt nieħu bħala Patri, bħala bniedem, bħala fqir. Ma tajthomx vilel u ma tajthomx affarijiet oħra, imma flimkien ma’ sħabi li għandna dan l-irwol, ma stajtx inħalli bieb bejnha u bejnhom.”

Ekonomija

Sport