Wednesday, March 27, 2024

“Għin biex issalva l-ħajjiet… missieri kien qed jiddependi fuq id-donazzjonijiet tad-demm”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-ħtieġa għad-demm ma tieqaf qatt u l-appelli mingħand is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm tista’ tgħid huma kontinwi u bosta jkunu dawk il-persuni li wara li jagħtu d-demm jgħidu li qishom taw l-akbar rigal.

Il-preżentatriċi Valerie Vella, li hija wkoll donatriċi, appellat biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jagħtu d-demm biex b’hekk ikomplu jsalvaw aktar ħajjiet. 

Dan anke fl-isfond tal-fatt li qalet li llum il-Bank tad-Demm jeħtieġ 30 borża ta’ demm 0+ve.

“Jekk jogħġbok għin biex issalva l-ħajjiet. Id-Daddy għadu kif miet il-ġimgħa li għaddiet u għal dawn l-aħħar xhur kien jiddependi fuq id-donazzjonijiet tad-demm. Grazzi lid-donaturi A+ve kollha u lid-donaturi l-oħra kollha,” kitbet fuq il-midja soċjali.

Intant, f’kummenti ma’ Talk.mt, Vella qaltilna li tassew temmen bis-sħiħ fid-donazzjonijiet tad-demm filwaqt li esprimiet ix-xewqa tagħha li tagħti aktar ta’ spiss.

“Id-demm ma jistax jiġi maħluq f’laboratorju.  Irid jiġi minn persuna. Kull donatur jagħti borża. Waqt li kont fejn il-pa komplejt nirrifletti.  Kull darba li ħa trasfużjoni kellu bżonn borża demm jew tnejn jew tlieta… dak ifisser tliet donaturi għal trasfużjoni waħda,” qaltilna.

Temmet tgħid: “Il-bżonn huwa kbir.  Eluf ta’ pazjenti jiddependu fuq id-demm mogħti mid-donaturi.”

Intant, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lil dawk it-361 persuna li tul il-ġimgħa li għaddiet resqu biex jagħtu d-demm u kompla jħeġġeġ iktar nies jersqu biex jgħinu lil tant morda fil-bżonn

Iktar informazzjoni dwar jew tistax jew intix eliġibbli biex tagħti demm żur www.tikka.mt jew żur is-sit: https://deputyprimeminister.gov.mt/…/Am-I-eligible-to…

Ekonomija

Sport