Sunday, April 19, 2026

Għodda importanti għat-tmexxija tal-gvernijiet u għall-ħajja taċ-ċittadini 

L-ISTATISTIKA EWROPEA 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-istatistika hija parti kostanti minn ħajjitna u hija mezz kruċjali biex niksbu għarfien fid-dettal u affidabbli dwar kif ngħixu l-ħajja tagħna. Statistika uffiċjali ta’ kwalità għolja għandha rwol kritiku fit-tfassil tal-politika tal-pajjiżi u aktar minn qatt qabel, tali informazzjoni miġbura għandha rwol importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Matul ħajjitna u bl-għażliet diffiċli kollha li wieħed jeħtieġ li jagħmel tul it-triq, l-Eurostat iwassal tagħrif li jagħti s-setgħa lid-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza taċ-ċittadini u tal-gvernijiet tagħhom. Il-Eurostat juża l-potenzjal sħiħ tal-era diġitali u jżomm ir-rittmu mal-iżviluppi kontinwi u mgħaġġla ta’ żminijietna permezz ta’ għodod, data u kapaċitajiet tekniċi ġodda. Dan bil-għan li jwieġeb għall-ħtiġijiet u x-xejriet emerġenti.

Il-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tal-pajjiżi kollha tal-UE u tal-EFTA jiffurmaw sħubija msejħa s-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS). Flimkien jipproduċu statistika Ewropea f’konformità ma’ qafas ta’ kwalità komuni. 20 sena ilu, eżattament fl-24 ta’ Frar 2005, kien ġie adottat il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea. Dan sar il-pedament tal-qafas ta’ kwalità komuni tal-ESS li jiżgura l-kwalità tal-istatistika Ewropea.

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea… Raġuni għall-fiduċja f’din il-ġabra ta’ informazzjoni 

Il-kwalità hija kunċett multidimensjonali li jaffettwa l-aspetti kollha tal-operazzjonijiet ta’ istituzzjoni. Tajjeb li nkunu nafu li l-kwalità fl-istatistika uffiċjali tkopri mhux biss ir-riżultati tal-istatistika iżda wkoll il-proċessi tal-istatistika li jipproduċuhom u l-ambjent istituzzjonali li fih joperaw l-awtoritajiet tal-istatistika. Dan l-approċċ fuq tliet binarji huwa rifless fil-Kodiċi, li jikkonsisti f’16-il prinċipju u 84 indikatur li jistabbilixxu l-istandards għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea. L-awtoritajiet kollha tal-istatistika tal-ESS jimpenjaw ruħhom li jaderixxu mal-Kodiċi.

Il-Kodiċi għandu l-għan li jiżgura li l-istatistika prodotta fi ħdan l-ESS tkun rilevanti, f’waqtha u preċiża u li tkun konformi ma’ prinċipji bħall-indipendenza professjonali, l-imparzjalità u l-oġġettività. L-għan aħħari tal-Kodiċi huwa li jiżgura l-kwalità għolja tal-istatistika Ewropea biex din tikseb il-fiduċja tal-utenti tagħha.

Biex jiġi żgurat titjib kontinwu u biex l-istatistika Ewropea tibqa’ rilevanti fl-ambjent tad-data li qiegħed jevolvi b’rata mgħaġġla, il-Kodiċi ġie rieżaminat darbtejn – f’Settembru 2011 u f’Novembru 2017. L-aktar reviżjoni reċenti introduċiet diversi aġġornamenti ewlenin bħall-inkorporazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Kwalità tal-ESS fil-preambolu; bidliet li jtejbu l-indipendenza professjonali;  u r-rwoli ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni tal-istituti nazzjonali tal-istatistika u tal-Eurostat. 

Ġew miżjuda wkoll elementi ta’ modernizzazzjoni ma’ diversi prinċipji u indikaturi dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ diversi sorsi ta’ data, inkluża data amministrattiva u data oħra bħal data miżmuma privatament.

Nibnu fuq data bbażata fuq il-fatti

Mistoqsija komuni hija x’inhuma r-raġunijiet wara qafas ta’ kwalità komprensiv bħal dan għall-ħolqien ta’ statistika Ewropea? Ir-raġunijiet wara huma li l-gvernijiet u dawk li jfasslu l-politika jeħtieġu li jibbażaw il-politiki tagħhom fuq data soda. Iżda mhux biss. In-negozji jeħtieġu data preċiża biex jieħdu deċiżjonijiet u investimenti bbażati fuq il-fatti mentri, ir-riċerkaturi u l-akkademja jeħtieġu data ta’ kwalità għolja għar-riċerka tagħhom f’fenomeni tas-soċjetà u analiżi fil-fond tal-politiki u r-riżultati tagħhom. Barra minnhekk, il-ġurnalisti jeħtieġu statistika affidabbli u f’waqtha biex jagħmlu rapporti li jirriflettu r-realtà. Min-naħa lat importanti ħafna huwa dak li ċ-ċittadini jeħtieġu data korretta biex isawru d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom abbażi tal-fatti.

Il-Kodiċi, bħala parti minn qafas ta’ kwalità komuni komprensiv tal-ESS, jiżgura li l-istatistika Ewropea tkun ta’ kwalità għolja, kredibbli u affidabbli. Il-fluss ta’ informazzjoni u data istantanji li mhumiex assigurati mill-kwalità jipperikola li jdgħajjef id-demokrazija u l-fiduċja. Għaldaqstant, il-fiduċja fl-istatistika Ewropea u l-użu tagħha jistgħu jissalvagwardjaw lis-soċjetà milli tiġi influwenzata mid-diżinformazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport