Għomor ħabs għal raġel li qatel 10 persuni ta’ karnaġġjon skur f’supermarket f’Buffalo

0
517
Ritratt: Twitter- @610CKTB

Raġel li qatel 10 persuni ta’ karnaġġjon skur f’supermarket f’Buffalo ġewwa New York is-sena li għaddiet, intbagħat għomru l-ħabs f’seduta drammatika fil-Qorti.

Payton Gendron ta’ 19-il sena wieġeb ħati għal 25 akkuża, inkluż qtil u terroriżmu li kien motivat minn mibegħda.

Qabel ingħatat is-sentenza, wieħed minn fost il-familjari tal-vittmi ġera lejn il-qattiel iżda twaqqaf mill-membri tas-sigurtà. Qraba oħra għaddewlu diversi kummenti.

Barbara Massey, li oħtha Katherine nqatlet f’dan il-każ, qaltlu “Ġejt fil-belt tagħna u ddeċidejt li ma tħobbx in-nies suwed. Ma taf xejn dwar in-nies suwed. Aħna lkoll bnedmin.” Massey ġiet imwaqqfa minn binha stess xħin qabad u mar lejn l-akkużat. Hija qalet lill-ġurnalisti barra l-Qorti li binha kien raha emozzjonata u għalhekk għamel dak li għamel.

Brian Talley, li tilef qarib tiegħu fl-isparatura, qal lill-akkużat: “naħfirlek. Naħfirlek mhux għall-ġid tiegħek iżda għal tiegħi għall-komunità tagħna.”

Il-ħati, li mhuwiex eleġibbli għall-parole, qal: “sparajt u qtil lin-nies għax kienu suwed. Meta nħares lura, ma nistax nemmen li fil-fatt għamilt dan. Emmint dak li qrajt fuq l-internet u aġixxejt b’mibegħda. Naf li ma nistax inreġġa’ l-arloġġ lura, imma nixtieq li kieku nista’, u ma rridx li ħadd ikun ispirat minni u minn dak li għamit.”

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Susan Eagan qalet: “m’għandux ikun hemm ħniena għalik, l-ebda ftehim u l-ebda tieni ċans.”