L-infermiera Lucy Letby, li kkawżat il-mewt ta’ sebat itrabi u li pprovat toqtol sitta oħra kienet ikkundannata sentenza ta’ għomor ħabs, mingħajr il-possibilità ta’ parole.
Letby ta’ 33 sena hija t-tielet mara li ngħatat din il-piena fir-Renju Unit. Hija ngħatat is-sentenza lbieraħ fil-Qorti ta’ Manchester.
Waqt li kkundanna lil Lethy, l-Imħallef James Goss iddeskriva r-reati tagħha bħala “kampanja krudili, ikkalkulata u ċinika ta’ qtil tat-tfal li tinvolvi l-iżgħar u l-aktar vulnerabbli fost it-tfal.”
“Letby kienet taf li l-azzjonijiet tagħha kienu qed jikkawżaw tbatija fiżika sinjifikanti u se jikkawżaw tbatija mentali,” qal l-Imħallef Goss.
Fi stqarrija li nqrat fil-Qorti, omm li t-tarbija tagħha kienet waħda mill-vittmi qalet; “Ħadd m’għandu jgħaddi minn dak li għaddejt jien u l-familja tiegħi. It-tarbija tiegħi għaddiet minn esperjenzi koroh li saru apposta minn xi ħadd li suppost kien jipproteġiha u jgħinha.”
Sadanittant, il-Prim Ministru Rishi Sunak ikkundanna lil Letby talli naqset milli tidher fil-Qorti. “Naħseb li huwa kodard li nies li jikkommettu reati orribbli bħal dawn ma jaffaċċjawx lill-vittmi tagħhom u ma jisimgħux direttament l-impatt li r-reati tagħhom kellhom fuqhom jew fuq il-familji tagħhom.”