Tnieda l-Prospett għall-Istitut għall-Edukazzjoni għas-sena akkademika 2023-2024, b’40 kors ta’ kwalifika, 47 korsijiet qosra akkreditati, 34 sessjoni mhux akkreditati immirati għall-ġenituri/kustodji tat-tfal u 49 sessjoni mhux akkreditati għall-edukaturi biex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom. Dan il-prospett jinkludi erba’ korsijiet ta’ kwalifiki ġodda, Bachelor of Education (Hons) Media Literacy; Master of Education Teaching Students with Disabilities; Master of Education (Top-Up) u Master in Applied Educational Leadership (Top-Up)
“Kull sena akkademika, l-Istitut għall-Edukazzjoni qiegħed ikabbar l-opportunitajiet għall-edukaturi biex dawn ikomplu jitħarrġu fil-professjoni tagħhom. Dan l-istitut qiegħed jagħmel ġid kbir lill-ġenerazzjonijiet li telgħin, għax qiegħed jagħti opportunitajiet kbar lill-edukaturi ta’ wliedna, kif qed naraw f’dan il-prospett, b’korsijiet kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-ġenituri. Biex ikollna sistema edukattiva kontinwament aġġornata rridu nkomplu ninvestu fil-ħiliet tar-riżors uman f’dan is-settur, allura l-edukaturi tagħna”. Hekk sostna l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, waqt it-tnedija ta’ dan il-prospett.
Il-prospett fih firxa vasta ta’ korsijiet fl-isfera edukattiva bil-għan li jipprovdu lill-edukaturi bi strateġiji effettivi ħalli jkunu jistgħu jindirizzaw il-bżonnijiet edukattivi tal-lum filwaqt li l-korsijiet iħarsu wkoll lejn l-iżvilupp tal-edukatur għal professjonist uniku u ħolistiku.
Il-Ministru Grima faħħar ix-xogħol iddedikat u b’impenn tal-Istitut. Huwa enfasizza li l-aqwa riżors li għandu pajjiżna huwa dak uman u għalhekk il-ħidma kollettiva li ssir biex jingħataw l-opportunitajiet kollha possibbli lill-edukaturi f’taħriġ akkademiku, kif ukoll f’taħriġ vokazzjonali u edukattiv.
Bħalissa fl-Istitut għall-Edukazzjoni hemm madwar 400 persuna li qegħdin jitħarrġu biex jiksbu kwalifika u 57 parteċipant f’korsijiet qosra u akkreditati. Matul din is-sena akkademika resqu iktar minn 135 ġenitur biex jitħarrġu f’suġġetti varji u biex ikunu iktar ippreparati ħalli jgħinu lit-tfal tagħhom. Dan filwaqt li 173 edukatur ieħor għażlu sessjonijiet ta’ taħriġ mhux akkreditat.