Sunday, November 24, 2024

Ġie btala f’Malta u spiċċa b’diżabbilità wara li waqa’ f’ħofra fuq bankina

Il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lukanda ordnati jħallsu €20,735 bejniethom lit-turist

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żjara f’pajjiżna minn Gary Kimber flimkien ma’ martu 21 sena ilu, spiċċat ħażin u dan minħabba li hu waqa’ f’ħofra li kien hemm fuq bankina biswit lukanda partikolari. Minħabba uġigħ li baqa’ jsofri kawża ta’ din il-waqgħa, hu għamel aktar eżamijiet mediċi fir-Renju Unit fejn instab li kawża tal-waqgħa kien spiċċa b’diżabbilità permanenti, tant li għal xi żmien ma setax imur għax-xogħol u anke waqaf jipprattika l-passatemp favorit tiegħu tal-‘mountain biking’. Il-Qorti kienet tatu kumpens ta’ €20,735 li ried jitħallas bejn il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lukanda partikolari. Il-kunsill appella mis-sentenza, iżda l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti.

It-turist  spjega fil-Qorti li hu ma setax jara peress li kien id-dlam u ma kien hemm l-ebda sinjal li kien hemm xi ħofra. Minn eżamijiet mediċi li saru aktar tard dak il-lejl ma rriżultax li Kimber kien sofra xi ksur. L-għada Kimber attenda għall-vista medika fi sptar privat peress li kien għadu muġugħ u minn eżamijiet mediċi ulterjuri li sarulu rriżulta li kien sofra “dislocation of the acromio clavicular joint” liema ġrieħi hu jgħid li ġew konfermati minn eżamijiet mediċi li sussegwentement għamel l-Ingilterra. L-attur jilmenta li kaġun ta’ dan l-inċident huwa sofra danni minħabba li kellu jagħmel xi żmien ma jaħdimx, oltre l-ispejjeż li huwa kellu jonfoq in konnessjoni mal-istess inċident. Jilmenta wkoll li huwa qed isofri minn diżabilità permanenti minħabba dan l-inċident peress li huwa għadu muġugħ u kellu jieqaf mill-passatemp tiegħu ta’ ‘mountain biking’. 

Il-Kunsill Lokali qatt ma kellu xi tip ta’ record dwar ix-xogħlijiet li saru għax il-permessi neċessarji dak iż-żmien kienu jinħarġu mill-Pulizija jew awtoritajiet oħra estraneji għall-Kunsill Lokali. Jgħid li għalhekk hu ma kienx jaf u ma setax ikun jaf bil-ħofor li kellhom isiru fuq il-bankina biex jiġu installati lamp posts ġodda, liema lamp posts kienu ġew ikkummissjonati fuq struzzjonijiet tal-lukanda biss u mingħajr l-għarfien tal-Kunsill Lokali.

Minn naħa tiegħu it-turist irribatti li l-ħtija tal-Kunsill Lokali tikkonsisti f’dak l-att jew ommissjoni li jikkostitwixxi ksur ta’ dmir impost mil-liġi. Jargumenta li mill-provi rriżulta li l-Kunsill Lokali naqas mill-obbligu legali tiegħu li jsegwi u jissorvelja x-xogħol li kien qiegħed isir fuq bankina li taqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu u li dan in-nuqqas ta’ sorveljanza għandu jitqies fiċ-ċirkostanzi bħala nuqqas ta’ diliġenza ordinarja mistennija minn bonus pater familias. Iżid li m’hemmx kontestazzjoni li l-bankina in kwistjoni taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-kunsill lokali għall-finijiiet tal-Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta u skont l-Artikolu 33 tal-istess Kapitolu, il-kunsill għandu l-obbligu li jipprovdi biex tinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib f’kull triq jew mogħdija li ma tkunx proprjetà privata, kif ukoll li jżomm fi stat tajjeb postijiet għal nies bil-mixi. Jgħid li għalhekk mhux biżżejjed li l-Kunsill Lokali jgħid li l-ħofra ma saritx minnu peress li l-Kunsill Lokali għandu obbligu li jara li l-postijiet li jintużaw mill-pubbliku jinżammu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni, u li l-appellant kien jaf li kienu qed isiru xogħlijiet fil-lukanda nkluż fuq il-bankina. 

Il-Kunsill Lokali argumenta li l-livell ta’ responsabbilità tiegħu ma jistax ikun ekwiparat ma’ dak tal-lukanda iżda huwa ferm anqas. Jargumenta li l-ħofra fil-bankina kienet riżultat ta’ xogħol ta’ ristrutturazzjoni u estensjoni fil-lukanda, liema xogħol kien jinkludi twaħħil ta’ lamp posts u pavimentar tal-bankina. Jgħid li għalhekk ir-responsabbilita` għax-xogħol li ma sarx skont is-sengħa u l-arti hija tal-lukanda li  peress li dan ix-xogħol ġie kkummissjonat unikament minnha. mingħajr l-għarfien tal-Kunsill Lokali. Jgħid li huwa umanament impossibbli għall-entità żgħira bħal ma huwa l-Kunsill Lokali li jkopri żona tant vasta daqs kemm hu San Pawl il-Baħar u li jkun jaf b’kull ħofra li jkun hemm, inkluż dawk kaġunati bl-atti ta’ terzi, partikolarment meta l-permessi neċessarji ma jinħarġux mill-Kunsill Lokali. 

It-turist irribatta li skont il-liġi l-Kunsill Lokali għandu r-responsabbilità aħħarija li jżomm il-bankini fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni u li jwaħħal senjaletika adegwata sabiex jevita kull periklu lill-pubbliku. Jgħid li għalhekk il-fatt li t-twaħħil tal-arbli tad-dawl kien ġie kkummissjonat minn lukanda ma jeħlisx lill-Kunsill Lokali appellant mir-responsabbilità tiegħu. 

Il-Qorti qalet li ma jirriżultax li huwa kontestat li l-bankina in kwisjtoni taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill konvenut. L-Att dwar il-Kunsill Lokali, Kap 363 tal-Liġijiet ta’ Malta, jispjega li ‘triq’ tinkludi kull triq, sqaq, misraħ, pont, xatt il-baħar, moll, jew post ieħor ta’ passaġġ jew aċċess pubbliku u għaldaqstant ċertament li tinkludi bankina. Skont artikolu 33 tal-istess att, fost il-funzjonijiet ta’ kull Kunsill Lokali, wieħed isib illi l-Kunsill għandu jipprovdi biex tinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib fi, kull triq jew mogħdija li ma tkunx proprjetà privata, kif ukoll li jżomm fi stat tajjeb postijiet għal nies bil-mixi. 

Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti, il-Kunsill Lokali għandu jinżamm responsabbli għal dak li ġara in kwantu li huwa obbligat bil-liġi li jara li postijiet li jintużaw mill-pubbliku, bħall-bankini, dejjem jinżammu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni sabiex jiġu evitati inċidenti bħal dak in eżami. Passaġġi pubbliċi bħal ma huma bankini għandha ssirilhom manutenzjoni kontinwa. M’huwiex biżżejjed illi l-Kunsill jgħid illi l-ħofra ma saritx minnu jew minn persuni inkarigati minnu għax huwa responsabbli sabiex jara li mhux biss illi postijiet aċċessibbli għall-pubbliku jinżammu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni, iżda wkoll fejn xogħolijiet ikunu saru minn terzi, dawn ix-xogħolijiet isiru tajjeb u għas-sodisfazzjon tal-Kunsill sabiex ma jikkawżawx periklu lill-pubbliku. Mir-ritratt eżebit mit-turist huwa altru milli ovvju li l-ħofra in kwistjoni kienet ilha hemmhekk għal żmien twil. Xejn ma jiswa li ħadd qabel ma kien għadu waqa’ fiha (sa fejn huma informati l-partijiet) u li l-bankina hija wiesa’, għax il-fatt jibqa’ li tħalliet ħofra perikoluża fuq bankina li tintuża regolarment mill-pubbliku u minħabba f’hekk weġġa it-turist. 

Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet li “ladarba jirriżulta li x-xogħol fuq il-pavimentar tal-bankina sar fuq struzzjonijiet tal-lukanda hija għandha ġġorr ir-responsabilità ta’ danni kkawżati meta tħalliet ħofra f’dan il-pavimentar minn persuni inkarigati minnha li fiċ-ċirkostanzi rriżulta li ma kinux kompetenti f’xogħolhom in kwantu li ħallew perikolu ċar f’post li jintuża mill-pubbliku. Ma jirriżultax illi ttieħdu ebda miżuri sabiex jiġi evitat il-periklu, żgħira kemm kienet żgħira il-ħofra, billi per eżempju tqiegħdu xi lqugħ madwarha jew xi sinjali sabiex persuna li tkun miexja fit-triq tinduna bil-perikolu. 

Fis-sentenza jingħad li “fin-nota ta’ sottomissjonijiet tagħha il-lukanda  tgħid li mill-provi prodotti jirriżulta li t-turist ma kienx jaf fejn hu miexi u li konsegwentement huwa ma rax dak li kien in ‘plain view”. Il-Qorti qalet li “Bid-dovut rispett, din il-Qorti assolutament ma taqbilx ma’ din il-konklużjoni. Il-fatt illi kien hemm ħofra fil-bankina, u t-turist  ma ndunax biha b’konsegwenza li waqa’ fiha, ma jfissirx awtomatikament li t-turist ma kienx jaf fejn hu miexi. Il-lukanda kien ikollha raġun fl-argument tagħha kieku il-ħofra in kwistjoni kienet b’xi mod ġiet mdawwra bl-ilqugħ sabiex persuni mexjin fuq il-bankina jkunu konsapevoli tal-perikolu. M’huwiex raġonevolment mistenni li kull minn jimxi fuq il-bankina iħares l-isfel il-ħin kollu sempliċiment għax jista’ jkun illi jkun hemm xi ħofra fil-pavimentar ta’ bankina ġdida bi traskuraġni ta’ ħaddieħor. Għaldaqstant, il-Qorti ssib li l-lukanda wkoll hija responsabbli għad-danni li sofra t-turist flimkien mal-Kunsill Lokali li f’idejh hija fdata l-mansjoni li jassigura li l-bankini bħala spazji pubbliċi huma fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni.” 

Sport