Friday, December 13, 2024

Ġiet bżonn Puttinu Cares ta’ 4 snin… “Familti ħabtet bieb u Puttinu laqgħana b’idejh miftuħin”

Aqra wkoll

Tfajla li ġiet bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares fl-età ta’ erba’ snin, tgħid li minn dik il-ġurnata li daħlet Rainbow Ward, Puttinu sar parti mill-familja tagħha. Tistqar ukoll li mill-ewwel Puttinu laqgħahom b’idejh miftuħin u għalhekk tħeġġeġ biex in-nies jibqgħu jagħtu d-donazzjoni tagħhom biex hekk ikunu qed jgħinu aktar familji fil-bżonn.

Kien l-istess Puttinu Cares li qasam l-istorja tagħha fuq il-midja soċjali.

“Fl-età ta’ erba’ snin jiena ġejt bżonn Puttinu Cares, kelli neuroblastoma stage 4. Kelli nitla l-Ingilterra u hemm domt seba’ xhur fl-appartamenti ta’ Puttinu. Familti ħabtet bieb u Puttinu laqgħana b’idejħ miftuħin.”

“Ħafna jaħsbu li ta’ dik l età ma tantx jiftakru t-tfal pero jien ngħid; iva niftakar u niftakar ħafna affarijiet li l-maġġoranza huma; tbatija, niftakarni inħares lejn tfal oħra u ngħid għaliex jien minhix bħalhom, għaliex m’għandix xagħar, għaliex jien ma nistax ninżel ngħum, niġri u nilgħab. Kelli ħafna mistoqsijiet li ma kontx nistaqsi lill-ġenituri tiegħi sabiex ma namilhomx iħossuhom hażin. Illum il-ġurnata nifhem, inħares lejn tfal li bħalissa qed jiħdu l- kura u f’qalbi ngħidilhom naf x’intkom tħsossu, u għandkom raġun,” qalet.

Żiedet tgħid: “Puttinu għen lili, Puttinu għen lill familti, Puttinu qiegħed jgħin tfal oħra li bħalissa għaddejjin mill-istess tbatija li għaddejt minna jien simili jew aktar agħar. Puttinu għamel minn kollox biex jarani mixja ‘l quddiem, jagħmilni ferħana u jagħti sapport lill-familti. Minn dik il-ġurnata li dħalt Rainbow Ward, Puttinu sar parti mill-familja tiegħi. Illum il-ġurnata Puttinu għadu qiegħed jgħin ħafna u ħafna tfal u familji li qegħdin fil-bżonn, b’hekk filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom fil-passat u fiż-żmien li kelli bżonn jien inkompli inħeġġeg biex tibqgħu tagħtu d-donazzjoni tagħkom biex tgħinu lill dawk il-familji fil-bżonn. Ħaġa waħda ngħid jien, agħti minn qalbek u mhux għax allaħares qatt tiġi bżonn Puttinu.”

Ekonomija

Sport