Lejlet it-tluq tat-team nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, għal double header barra minn daru, il-coach Gilbert Agius iffinalizza l-iskwadra tiegħu ta’ 22 player għal-partita kontra l-Litwanja nhar il-Ġimgħa fil-5.30pm ħin ta’ Malta f’Alytus, segwita minn vjaġġ lejn is-Slovakkja għall-partita ta’ nhar it-Tlieta tal-ġimgħa d-dieħla f’Nitra fl-4.30pm, ħin ta ‘Malta.
Iż-żewġ partiti huma validi minn Grupp C tal-Kampjonat Ewropew U21 tal-UEFA.
Tliet goalkeepers issejħu għal dawn il-partiti, inkluż ir-ritorn tal-goalkeeper ta’ Nocerina, Rashed Al-Tumi.
Din l-iskwadra finali tinkludi wkoll ħames players ġodda li kienu assenti fil-partiti tax-xahar li għadda fosthom ir-rebħa ta’ 4-1 f’darna kontra l-Irlanda ta’ Fuq segwita mit-telfa kbira ta’ 6-0 fir-Russja.
Dawn huma Samuel Okoh li jilgħab ma’ Pieta Hotspurs, sieħbu tal-club Sheldon Mizzi, Adam Bradshaw ta’ Balzan, Larens Vella li jilagħbu fiċ-Challenge League ma’ Rabat Ajax, flimkien ma’ Victor Degiorgio li jilgħab fl-Istati Uniti mal-Università ta’ Maryville.
Adam Magri Overend ta’ Floriana li huwa meqjus bħala player ta’ valur f’dan it-team ta’ Malta U21 tħalla barra għal dan id-double header barra minn darna fil-jiem li ġejjin wara l-promozzjoni tiegħu mill-Coach tat-Team Nazzjonali Malti Devis Mangia għat-team tal-kbar.
Il-coach tat-Team Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena Gilbert Agius se juża dawn iż-żewġ logħbiet biex jinsa kompletament it-telfa kbira fir-Russja fl-iktar ħarġa reċenti tat-team xahar ilu, u jħeġġeġ lil dan il-grupp ta’ żgħażagħ biex ikollhom wirjiet imtejba ħafna u idealment jakkwistaw ukoll xi riżultati pożittivi.
It-Team Nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena se jħalli pajjiżna nhar l-Erbgħa kmieni wara nofsinhar waqt li jżidu t-tħejjijiet tagħhom qabel il-partita tal-Litwanja jumejn wara.
Skwadra Finali Malta U21
Goalkeepers – Rashed Al-Tumi (Nocerina), Cain Formosa (San Ġwann FC), Amara Sylla (Birkirkara FC)
Difensuri – Matthew Ellul (Hibernians FC), Christian Gauci (Valletta FC), Karl Mohnani (Melita FC), Samuel Okoh (Pieta Hotspurs), Carlo Zammit Lonardelli (Sirens FC)
Midfielders – Ayrton Attard (Hibernians FC), Adam Bradshaw (Balzan FC), Alejandro Garzia (Floriana FC), Marcus Grima (Balzan FC), Liam McKay (Santa Lucia FC), Sheldon Mizzi (Pieta Hotspurs FC), Bradley Sciberras (Floriana FC), Andreas Vella (Santa Lucia FC)
Attakkanti – Jamie Carbone (Santa Lucia FC), Victor Degiorgio (Maryville Uni), Jake Engerer (Sliema Wanderers FC), Jamie Sixsmith (St.Andrews FC), Mattia Veselji (Floriana FC), Larens Vella (Rabat Ajax)