Wednesday, October 30, 2024

Ġimgħa impenjattiva

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tikteb l-MEP Josianne Cutajar

Din il-ġimgħa kienet ġimgħa impenjattiva sew. Mhux għax is-soltu ma jkunux, imma din il-ġimgħa wkoll, wara l-waqfa għas-Sajf, reġgħet bdiet il-ħidma Parlamentari b’mod formali għaliex propju min nhar it-Tnejn li għadda l-membri Parlamentari Ewropej bdejna mill-ġdid, jew aħjar komplejna għaddejjin bix-xogħol tant importanti fil-Parlament Ewropew. Xogħol li jolqot lil kull wieħed u waħda minna, mhux biss fuq livell Ewropew, imma tant ieħor fuq livell Nazzjonali.

Dwar il-ħidma parlamentari hemm ħafna x’tikteb u xi tgħid, u dwar dan naqsam magħkom x’qed issarraf din il-ħidma fil-ġimgħat li ġejjin. Imma żgur li f’dan il-perjodu li ninsabu fih, fuq moħħ u fomm kulħadd hemm il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel tal-pajjiż.

Xtaqt nibda billi nirrimarka fuq punt li qed jitqajjem ħafna fid-diskussjonijiet u fl-opinjonijiet li jingħataw fuq il-mezzi soċjali. Dak tat-tagħlim onlajn. Hekk kif faqqgħet il-pandemija għall-għarrieda mad-dinja kollha, irrikorrejna għat-teknoloġija moderna biex jissokta t-tagħlim onlajn. Malta wkoll għaddiet għal dan f’temp ta’ ftit jiem.

Jien nappoġġja bis-sħiħ l-użu tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni fl-edukazzjoni Maltija u kif sħaqt diversi drabi nemmen li l-iżviluppi pożittivi li saru minħabba l-pandemija f’dan il-qasam mhux talli għandhom jibqgħu hemm, talli għandna nkomplu nsaħħuhom. Imma essenzjali li nikkunsidraw ukoll l-impatt pożittiv li l-preżenza fil-klassi tħalli, bħar-rutina u l-kuntatt mall-kollegi, il-kuntatt mal-edukaturi; ilkoll parti integrali mit-trobbija sana tat-tfal.

Ta’ min hi r-responsabbiltà? Ta’ kull wieħed u waħda minna! M’hix biss tal-awtoritajiet, imma wkoll ta’ dawk li huma ġenituri u li mhumiex. Aħna wkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna billi noqogħdu attenti – it-tnaqqis tal-infezzjoni tal-COVID huwa r-responsabbilità ta’ kullħadd. Ħadd ma jista’ jipponta swaba, jekk fl-ewwel post ma jippuntax ukoll suba’ lejh innifsu. L-atteġġjament għaqli ta’ kulħadd huwa rikjest.

Anqas ma nxerrdu mard, aktar nagħtu serħan il-moħħ lill-istudenti, l-għalliema u l-familji tagħhom.

Nemmen li d-deċiżjoni li l-iskejjel jinfetħu fit-28 ta’ dan ix-xahar flimkien mal-pubblikazzjoni tal-linji gwida kienu bżonnjużi. Madwar id-dinja kollha kienu għaddejjin diskussjonijiet propju dwar l-importanza li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom għas-sena skolastika li jmiss. Lokalment rajna kif il-Ministeru u l-awtoritajiet tal-Edukazzjoni flimkien mal-partijiet lokali interessati, u wkoll il-Ministri barranin responsabbli mill-edukazzjoni, ħadmu kemm felħu biex jaraw li f’dan il-qasam nerġgħu lura għan-normalità l-ġdida.

Tajjeb li jingħad li parteċipi magħhom kien hemm kemm l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u wkoll l-Ministeru u l-awtoritajiet lokali responsabbli mis-Saħħa – għax importanti kemm huwa importanti l-ftuħ tal-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi oħra – importanti ferm ukoll is-saħħa ta’ uliedna, tal-istudenti u tal-edukaturi tagħhom.

Li l-ftuħ tal-iskejjel huwa kruċjali qaluh ħafna. Ma ntqalx biss minn awtoritajiet u esperti internazzjonali, imma wkoll minn persuni li qegħdin hemm biex iħarsu lil uliedna. Fost dawn il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli spjegat kif jekk iżżomm lit-tfal ‘il bogħod mill-iskola, tista’ tagħmlilhom il-ħsara.

Dan kien rifless ukoll f’dak li qalu istituzzjonijiet barranin li jekk ma tibgħatx lit-tfal l-iskola ssarraf f’aktar ħsara milli jista’ jikkawża l-coronavirus.

Jiena nawgura minn issa li filwaqt li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, l-istudenti u l-edukaturi tagħhom ikollhom sena skolastika mill-aqwa, mhux biss fejn tidħol saħħa, imma wkoll fejn jidħol studju u wkoll mixja akkademika f’kull livell tagħha.

Sport