Friday, November 15, 2024

Giovanni Cobolli Gigli jgħid li Inter kienu wkoll ħatja fil-każ ta’ Calciopoli

Aqra wkoll

L-eks president ta’ Juventus, Giovanni Cobolli Gigli, wieġeb għall-kummenti riċenti tal-kontroparti tiegħu, Massimo Moratti, dwar l-iskandlu ta’ Calciopoli, u sostna li Inter kienu ħatja daqshom. 

L-eks president tan-Nerazzurri sostna li s-Serie A ġiet manipulata kontra l-club tiegħu u favur il-Bianconeri jew Milan. Aktar tard kien żvelat li  fl-2011  Moratti kien għamel kuntatt ukoll ma’ referees partikulari iżda “irnexxielu” jaħrab mill-piena.

Min-naħa tiegħu, Cobolli Gigli, l-ewwel irreaġixxa għad-dikjarazzjonijiet ta’ Moratti fuq il-mezzi tax-xandir. 

“Qrajt intervista riċenti ta’ Moratti. Huwa tkellem fuq kollox, iżda mistoqsija waħda kienet nieqsa: ‘Kif  u għaliex Inter fl-2006 ma dehrux fil-ġuri ta’ Calciopoli, filwaqt li erba’ jew ħames snin wara deher id-dokument dwar in-Nerazzurri, li għalih il-prosekutur Palazzi tkellem dwar reat serju sportiv?

“Kulħadd nesa din il-kwistjoni … li kieku Inter kienu fil-prova sportiva ma’ Juventus, u kienu akkużati, kif ġara snin biss wara, b’‘reat sportiv serju’, kienet tkun storja differenti.

“Xi ħadd ħeba l-fajl. Bla dubju, kienet xi “ras kbira” ta’ awtoritá biex dan il-fajl baqa’ mistur.  Ma fhimtx, iżda, għaliex wara ħames snin reġgħu semmew dan il-każ?

“Forsi biex tintgħata daqqa morali oħra lil Juventus, bħallikieku ngħid: ‘Meta ridt naħbi xi ħaġa, għamiltha tisparixxi. U issa meta kollox hu preskritt … tela’ kollox fil-wiċċ!”

Fl-aħħarnett, Cobolli Gigli afferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li ż-żewġ kampjonati għandhom jingħataw lil Juventus mill-ġdid hu qatt ma kellhom imorru għand Inter. 

“Ma kellhom jiġu assenjati lil ħadd. Mill-inqas kien ikun hemm żewġ partijiet ħatja … minflok fil-Calciopoli kien hemm midneb wieħed biss!!”

Wara l-iskandlu ta’ Calciopoli fl-2006, Juventus tneħħew minn żewġ titli tal-kampjonat u ġew relegati fis-Serie B. Clubs oħra involuti fil-prova oriġinali, bħal Milan u Fiorentina, ingħataw pieni inqas ħorox, bħal tnaqqis ta’ punti jew jilagħbu partiti bil-bibien magħluqa.

Ekonomija

Sport