Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien maċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca attendew għat-tnedija tal-ktieb A Glimpse into Giuseppi’s World, l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Giuseppi Camilleri. Giuseppi Camilleri huwa tifel bl-awtiżmu li kiteb 20 poeżija li issa jinsabu miġbura f’pubblikazzjoni waħda.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li “permezz tal-poeżiji, permezz tal-ħsieb u tal-mod kif jirnexxilu jikkomunika, għall-ewwel darba seta’ jagħtina insight fuq dak li jħoss, fuq dak li jixtieq, fuq dak li jistenna mingħand is-soċjetà tagħna. Għaldaqstant, din kienet inizjattiva importanti ferm fejn qegħdin mhux biss nagħtu l-opportunità lil dan iż-żagħżugħ biex jikkomunika magħna u mal-bqija tas-soċjetà iżda, aktar minn hekk ukoll nagħtu aktar kuraġġ lis-soċjetà tagħna sabiex inkunu aktar inklussivi u nagħmlu dak kollu possibbli sabiex kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom l-istess opportunitajiet.”

Min-naħa tagħha, il-President ta’ The Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca qalet li: “Illum f’Għawdex, niċċelebraw mhux biss ktieb ta’ poeżiji, imma l-ħajja, il-kreattività u l-kuraġġ ta’ żagħżugħ straordinarju, Giuseppi. Żagħżugħ awtistiku li ma jitkellimx bil-leħen, imma bil-qalb u bil-kelma miktuba.
Permezz tat-talent tiegħu, Giuseppi wera li l-iskiet jista’ jitkellem, u meta jitkellem, iqanqal lil kulħadd. Giuseppi jfakkarna f’verità sempliċi imma profonda: kull tifel u tifla għandhom vuċi li jistħoqqilhom jinstemgħu, anke jekk jitkellmu b’mod differenti. Illum niċċelebraw il-vuċi ta’ Giuseppi u l-vuċijiet kollha li qed jistennew li jinstemgħu.”
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żied jgħid li l-appoġġ tal-Gvern f’dan is-settur jibqa’ sod u kontinwu, b’numru ta’ riformi u servizzi li daħlu fis-seħħ tul is-snin. Huwa rringrazzja lil Marie-Louise Coleiro Preca għall-impenn bla waqfien tagħha f’din il-kawża ġusta u għal-leħen b’saħħtu li tagħti lil dawk vulnerabbli fil-komunità tagħna.
Il-Ministru Camilleri temm billi feraħ lil Giuseppi għall-passi kbar li diġà għamel u għall-kontribut tiegħu li jqanqal il-ħsieb u l-ispirazzjoni f’ħaddieħor filwaqt li ħeġġeġ ukoll lill-ġenituri sabiex ikomplu jressqu l-ideat u l-proposti tagħhom, għaliex il-ħolma tagħhom tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ ħafna.
Kull min jixtieq kopja tal-ktieb A Glimpse into Giuseppi’s World jista’ jikkuntattja lil The Malta Trust Foundation fuq [email protected]

