Sunday, November 24, 2024

GLOBE MALTA u xi missjonijiet diplomatiċi ngħaqdu għat-tindif tal-Kosta f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Biex jiċċelebraw Jum id-Dinja, il-Global Learning and Observations to Benefit the Environment Malta (GLOBE Malta), voluntiera mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti, il-Green Diplomacy Network, li jinkludi bosta missjonijiet diplomatiċi f’Malta, u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema naddfu ż-żibel fuq il-bajja u l-inħawi tal-madwar fuq ix-Xatt tas-Sliema nhar il-Ħamis, 27 ta’ April.

F’kumment dwar l-attività, l-Uffiċjal għall-Affarijiet Pubbliċi Elizabeth Canellakis tenniet l-impenn tal-Gvern tal-Istati Uniti għall-ambjent u għall-kooperazzjoni fil-komunità. Is-Sinjura Canellakis qalet li: “Dan l-isforz jirrifletti kif il-kollaborazzjoni tista’ tqajjem kuxjenza fuq id-degradazzjoni ambjentali u turi x’jista’ jagħmel kull wieħed minna bil-limitazzjonijiet tagħna biex niġġieldu dan.” Hija rringrazzjat lil GLOBE Malta għar-rwol vitali tiegħu biex jipprovdi edukazzjoni xjentifika li tiffoka fuq l-ambjent fl-iskejjel u l-komunitajiet lokali.

Il-program Global Learning and Observations to Benefit the Environment (GLOBE), li jiċċelebra għeluq it-28 sena tiegħu dan ix-xahar, huwa programm ta’ xjenza u edukazzjoni fid-dinja kollha li jiffoka fuq l-ambjent, li issa huwa attiv f’aktar minn 120 pajjiż madwar id-dinja, inkluż Malta.

GLOBE huwa appoġġjat mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Aeronawtika u l-Ispazju (NASA) fost entitajiet oħra tal-Istati Uniti. Madwar ħamsin skola f’Malta u Għawdex jikkontribwixxu data xjentifika dwar l-ambjent fid-database internazzjonali ta’ GLOBE. Din is-sena, seba’ skejjel lokali pparteċipaw fl-investigazzjoni tar-riċerka GLOBE għas-Simpożju Internazzjonali tax-Xjenza Virtwali u kisbu riżultati eċċellenti.

L-Ambaxxata tal-Istati Uniti tat ġieħ lil GLOBE Malta billi rrikonoxxiet il-kontribuzzjoni siewja tad-Deputat Direttur Ramona Mercieca, li l-isforzi tagħha qalgħu tifħir internazzjonali fin-network internazzjonali ta’ GLOBE, fejn hija magħrufa bħala “trailblazer”. L-Ambaxxata tal-Istati Uniti rrikonoxxiet lis-Sinjura Mercieca bi premju speċjali għall-kontribuzzjonijiet eċċezzjonali tagħha lil GLOBE Malta.

Sport