Tuesday, May 14, 2024

Il-BOV joffri prodott ġdid ta’ investiment ta’ MAPFRE MSV Life

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta qed joffri opportunità unika lill-klijenti biex jinvestu fi prodott ġdid ta’ MAPFRE MSV Life disponibbli mill-Fergħat, iċ-Ċentri tal-Investiment, u mill-fergħa tal-Private Banking tal-BOV. Din hija offerta għal perjodu limitat.

Il-Guaranteed Income and Capital Plan 2026 huwa investiment b’kontribuzzjoni waħda marbut mal-FONDMAPFRE GUARANTÍA V, F. I., fond amministrat minn MAPFRE ASSET MANAGEMENT, SGIIC, S.A. u mfassal biex iqassam tliet pagamenti, ekwivalenti għal 3.2% tal-kontribuzzjoni inizjali. Il-kontribuzzjoni inizjali titħallas lura meta jagħlaq l-investiment. Ir-rata perċentwali annwali hija ta’ 3.01%. Dawn il-pagamenti, kif ukoll il-kontribuzzjoni inizjali, huma garantiti minn MAPFRE Inversión SV, SA, sakemm il-pjan jinżamm sad-data tal-għeluq.

Il-Guaranteed Capital & Income Plan 2026 għandu tul fiss ta’ 3 snin u xahrejn. L-investment jibda fis-16 ta’ Mejju 2023 u jimmatura fit-22 ta’ Lulju 2026. Barra minn hekk, għal skopijiet ta’ flessibbiltà, se jkun hemm sitt dati ta’ likwidità, li matulhom l-investituri jistgħu jwaqqfu l-Pjan skont il-Valur Net tal-Assi tal-Fond marbut mal-Pjan.

Tonia Parascandalo, kap fl-Uffiċċju tal-Bancassurance fil-Bank of Valletta, rrimarkat bosta benefiċċji abbinati mal-kollaborazzjoni tal-BOV ma’ MAPFRE MSV Life. “L-għan tagħna huwa li nattiraw opportunitajiet ta’ investiment li jilħqu l-ambizzjonijiet differenti tal-investituri. Il-BOV joffri firxa wiesgħa ta’ investimenti ta’ MAPFRE MSV Life fosthom pjanijiet ta’ protezzjoni, pjanijiet ta’ tfaddil, investimenti ta’ somma f’daqqa, Pjanijiet ta’ Pensjoni Personali u Skemi ta’ Pensjoni WorkSave. Permezz ta’ dawn it-tipi differenti ta’ investiment, nistgħu noffru strateġiji differenti ta’ kif wieħed jinvesti, bħalma huma With Profits u Unit Linked, skont jekk il-klijent jippreferix dħul regolari mill-kapital jew li joffri tkabbir tul is-snin.”

Simon Azzopardi, Chief Wealth Management Officer fil Bank of Valletta, ikkummenta wkoll dwar dan il-prodott ġdid. “Għandna pjaċir noffru dan il-prodott fuq is-suq, hekk kif inkomplu naħdmu biex noffru aktar għażliet ta’ investimenti li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-klijenti tagħna. Dan huwa konformi mal-istrateġija tagħna li npoġġu l-klijent fil-qalba ta’ kulma nagħmlu. Il-Guaranteed Income and Capital Plan 2026 huwa ideali għal klijenti li jixtiequ jirċievu distribuzzjoni ta’ dħul regolari u kapital garantit”.

Investituri li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena huma eliġibbli li japplikaw għal dan il-prodott permezz ta’ kontribuzzjoni minima ta’ €5,000. Filwaqt li m’hemm l-ebda tariffi jew miżati applikabbli, la fil-bidu tal-investiment u lanqas biex jinġibed il-kapital, irid jiġi assigurat li l-investiment jinġibed biss fil-perjodi eliġibbli. Klijenti li jagħżlu li jiġbdu l-kapital barra mill-perjodi stipulati tul il-perjodu bejn Mejju 2023 u Lulju 2026, jintalbu jħallsu r-rata ta’ 5%. Il-prodott huwa disponibbli sat-8 ta’ Mejju 2023.

Iktar informazzjoni dwar il-MAPFRE MSV Life Guaranteed Income and Capital Plan 2026, tista’ tinkiseb minn kwalunkwe Fergħa jew Ċentru tal-Investiment tal-BOV. Barra minn hekk, aktar informazzjoni tinsab hawnhekk https://www.bov.com/content/guaranteed-capital-and-income-plan-2026

Il-valur tal-investiment jista’ jitla’ kif ukoll jinżel f’każ biss li jinġibed qabel id-data tal-għeluq. Jekk jinżamm sad-data tal-maturità, il-Kapital kif ukoll id-Dħul huma garantiti minn MAPFRE INVERSIÓN SV, SA, kumpanija awtorizzata u regolata minn Comisión Nacional del Mercado de Valores (CNMV). Din il-garanzija hija soġġetta għal limitazzjonijiet kif imniżżla fid-dokumentazzjoni tal-Pjan.

Sport