Thursday, April 25, 2024

Ġnien ġdid fuq parkeġġ isebbaħ żona urbana fil-Ħamrun

Jitlesta’ proġett ieħor ta’ tħaddir fl-urban b’investiment ta’ madwar €1.5 miljun

Aqra wkoll

Ġnien ġdid fuq parkeġġ qed jagħti ħajja ġdida lill-qalba tal-komunità li tgħix madwar Misraħ Is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919, fil-Ħamrun. B’investiment ta’ madwar €1.5 miljun, dan huwa , f’żona li qabel kienet tintuża biss għall-parkeġġ. Filwaqt li l-parkeġġ ma ntilifx, issa din iż-żona nbidlet fi spazju mħaddar qalb il-bini.

Iż-żieda ta’ dan ir-roof garden, li huwa aċċessibbli għal kulħadd anke permezz  ta’ lift, qed jagħti ambjent residenzjali isbaħ, u kwalità ta’ ħajja aħjar, lir-residenti f’din iż-żona nieqsa minn postijiet ta’ mistrieħ u rikreazzjoni bħal dawn. Dan il-Gvern qed ikompli jpoġġi t-tħaddir taż-żoni urbani u l-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali għas-snin li ġejjin, b’impenn sħiħ għal arja aktar nadifa, lokalitajiet aktar sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Bħala parti minn dan il-proġett, GreenServ wettqet ukoll it-tħejjijiet strutturali biex il-parkeġġ ta’ taħt il-ġnien ikollu charging points għall-vetturi elettriċi fiż-żmien li ġej. 

“Dan huwa proġett ieħor li qed joffri spazju aħdar miftuħ, li se jgħin sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana. Ħawwilna siġar, arbuxelli u pjanti u installajna bankijiet biex dawn ir-residenti jkollhom spazju ta’ ħdura u mistrieħ ftit passi ‘l bogħod minn djarhom. Qed naħdmu biex noħolqu ħafna aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet tagħna fis-snin li ġejjin,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Iffinanzjat mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF), il-proġett tmexxa minn GreenServ. Bħal fi proġetti oħra, GreenServ użat materjal sostenibbli, b’bankijiet tal-aluminju riciklat u injam minn foresti sostenibbli. Waħħlet ukoll strutturi għad-dell u li fihom hemm integrat numru ta’ pannelli solari biex jiġġeneraw l-elettriku għad-dawl tal-ġnien u għal USB charging points għall-iċċarġjar tal-mobiles u apparat eletroniku ieħor. Tranġa wkoll il-ġibjun tal-ilma li minnu se jkun qed jissaqqa dan il-ġnien.

 Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega kif il-ġnien ta’ 500 metru kwadru jistrieħ fuq struttura tal-ħadid innovattiva. Dan huwa proġett ieħor ta’ GreenServ biex toħloq spazji ta’ rikreazzjoni aċċessibli minn kulħadd fiċ-ċentri l-aktar urbani ta’ Malta biex b’hekk il-familji u r-residenti jkunu jistu’ jgawdu ambjent isbaħ viċin djarhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, is-Sur Raymond Ellul, qal li fond qed jappoġġja ideat innovattivi li jikkontribwixxu lejn spazji aktar ħodor f’żoni urbani ta’ densità għolja. Qal li proġetti bħal dan kif ukoll Ġnien Victor Calvagna,li għadu kemm tnieda fil-Mosta, għandhom l-għan li jtejjbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu żoni urbani, filwaqt li jippromwovu stil ta’ ħajja sostenibbli. Dawn l-ispazji se jkunu qed joffru postijiet alternattiv ta’ rikreazzjoni li jkunu faċilment aċċessibbli. B’hekk, temm is-Sur Ellul, l-NDSF qed ikompli jtejjeb l-andament soċjali u l-kwalità ta’ ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll futuri ta’ pajjiżna.

Sport