Ġie inawgurat Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar. Dan l-ispazju ta’ rikreazzjoni jfakkar il-memorja ta’ Kacey Sciberras tfajla ta’ 17-il sena, li tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku fl-2023.
Kacey dejjem tibqa mfakkra bħala tfajla rispettabbli li kienet tferraħ lil kulħadd. Hija kienet attiva ħafna fil-festa tal-lokalità tant li kienet membru fil-Kumitat Festa Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Ġnien, il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Permezz ta’ dan il-proġett ridna nżommu l-memorja ta’ Kacey ħajja. Naf kemm kienet tħobb lil San Pawl il-Baħar u l-kontribut li tat f’din il-lokalità. Għalhekk inħeġġeġ lill-pubbliku biex jiġu u jagħmel użu tajjeb minn dan l-ispazju miftuħ.”
Il-Ministru spjegat kif Ġnien Kacey Sciberras huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ikompli joħloq spazji miftuħa fl-urban. “Permezz ta’ dan il-proġett qed nilħqu madwar 3,200 residenza f’distanza ta’ 10 minuti mixi. Kull ma jmur, qed inkomplu nżommu l-kelma li tajna li aktar spazji ħodor ikunu aċċessibbli u viċin għan-nies.”
Għal din l-inawgurazzjoni attendew il-qraba ta’ Kacey, kif ukoll il-Kumitat Festa Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar fejn Kacey kienet attiva ħafna.
Ġnien Kacey Sciberras huwa aċċessibbli għal kulħadd, hekk kif ġew introdotti numru ta’ passaġġi ġodda, flimkien ma’ bankijiet tal-pikniks fejn wieħed jista’ jirrilassa, b’uħud minnhom adattati biex persuni b’wheelchair ikollhom spazju wkoll mal-mejda.
Dan l-ispazju miftuħ ta’ madwar 2,700 metru kwadru sar fuq medda ta’ art li setgħet tiġi kummerċjalment żviluppata. Bħala parti minn dan il-proġett ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn zkuk ta’ siġar u injam riċiklabbli. Tħawlu wkoll diversi siġar u arbuxelli. Dan il-ġnien huwa attrezzat b’dawl iġġenerat mix-xemx, biex ikun aktar sostenibbli.
Il-perit responsabbli mill-proġett fi ħdan l-Aġenzija Project Green, Cheryl Camilleri qalet, “Illum qed naraw Ġnien Kacey Sciberras fl-aqwa tiegħu, hekk kif qabel ma bdejna naħdmu fuq dan il-proġett, din iż-żona kienet waħda mitluqa. Issa llum qed naraw trasformazzjoni sħiħa, b’bosta residenti jistgħu jiġu u jgawdu ftit ħin ta’ rilassament fi spazju li seta’ faċilment inbidel f’binja peress li jinsab fiż-żona tal-iżvilupp.”