L-Erbgħa, jingħata bidu għall-aħħar u l-aktar parti mportanti waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker, dik tat-timijiet tal-irġiel. F’dan il-kampjonat li qed isir f’Golem, l-Albanija, ser jieħdu sehem 22 tim minn 14-il pajjiż u Malta ser tkun rappreżentata bi tliet timijiet.
Fl-ewwel jumejn ser isir il-logħob kollu tal-gruppi filwaqt li l-Ġimgħa jintlagħbu l-erba’ kwarti finali pero’ qabel iridu jsiru żewġ play-offs. L-aħħar tliet logħbiet li jtemmu 19-il ġurnata konsekuttivi ta’ kompetizzjonijiet tas-Snooker ikunu s-semi finali, li jsiru s-Sibt u l-finali li ssir il-Ħadd.
It-tliet timijiet Maltin ser ikunu ffurmati hekk; Malta 1 – Aaron Busuttil u Chris Peplow, Malta 2 – Alex Borg u Joseph Casha, Malta 3 – Philip Ciantar u Isaac Borg. Fl-istess kampjonat waqt l-edizzjoni tas-sena l-oħra li saret f’Albufiera, l-Portugall, Aaron Busuttil u Chris Peplow, li kienu ffurmaw ukoll tim Malta 1 spiċċaw it-tieni wara li tilfu fil-finali kontra Ukraina 1.
Din is-sena Malta 1 jinsabu fi grupp ta’ ħames timijiet u l-avversarji tagħhom ser ikunu l-Ungerija, Bulgarija 2, Polonja 3 u Albanija 3. Malta 2 fl-ewwel fażi jridu jilgħabu kontra Bulgarija 1, Albanija 1 u Wales filwaqt li Malta 3 ser jaffrontaw lil Ukraina, Portugall u Albanija 2.
Fl-ewwel jum ta’ kompetizzjoni ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tat-timijiet tal-irġiel il-logħbiet tat-timijiet Maltin huma dawn:
10:00 | Grupp A | Malta 3 | vs | Albanija 2 (Diego Minxalli – Ronald Xoxi) |
10:00 | Grupp B | Malta 1 | vs | Albanija 3 (Albi Rama – Besjan Sinanaj) |
16:00 | Grupp A | Malta 3 | vs | Portugall (Diogo Badalo – Jorge Paixão) |
16:00 | Grupp B | Malta 1 | vs | Polonja 3 (Paweł Rogoza – Bartosz Utkowski) |
16:00 | Grupp E | Malta 2 | vs | Bulgarija 1 (Viktor Iliev – Bratislav Krastev) |