Thursday, October 16, 2025

Golem 2025 – Aaron Busuttil bl-aħjar riżultat fil-kompetizzjoni tas-Six Reds

Aqra wkoll

Waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Golem, l-Albanija, saru diversi kompetizzjonijiet individwali fejn plejers Maltin kienu nvoluti fihom. Dawn kienu l-Q Tour, is-Shoot Out u s-Six Reds.

Fil-Q.Tour f’event 3 li sar taħt l-awspiċi tal-World Professional Billiards and Snooker Association (WPBSA), Alex Borg u Philip Ciantar ġew eliminati mill-ewwel fażi. Joseph Casha safa’ eliminat mal-aħħar 64 filwaqt li mill-erba’ plejers li ħadu sehem Aaron Busuttil kiseb l-aħjar riżultat peress li wasal mal-aħħar 32 pero’ ġie eliminat f’din il-fażi mill-Ingliż, George Pragnell.

Is-Shoot-Out u s-Six Reds huma t-tnejn organizzati European Billiards & Snooker Association (EBSA). Fis-Shoot-Out, Alex Borg, Chris Peplow u Philip Ciantar tilfu fl-ewwel fażi filwaqt li Aaron Busuttil u Joseph Casha rebħu l-ewwel konfront iżda ġew eliminati fl-istadju suċċessiv meta kien jonqos mal-aħħar 32.

Min dawn it-tliet kompetizzjonijiet l-aħjar riżultat kien miksub waqt is-Six Reds. Erba’ minn ħames plejers li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni ikkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi għan-knock out. Alex Borg biss ma rnexxielux jgħaddi għal din il-fażi. Fir-rawnd tal-aħħar 32, Joseph Casha u Philip Ciantar tilfu u sfaw eliminati filwaqt li Chris Peplow  avvanza mal-aħħar 16 iżda ġie eliminat mill-plejer tal-Estonja, Andres Petrov li fir-rawnd ta’ qabel kien elimina lil Casha.

L-uniku Malti li baqa javvanza fost l-aħħar erba’ plejers li għad kien fadal f’din il-kompetizzjoni kien Aaron Busuttil. Fl-istadju tan-knock-out għeleb lil Pollakk, Krzysztof Czapnik u aktar tard lil Mykhailo Larkov tal-Ukranja. Fis-semi finali Busuttil safa’ megħlub mill-Ingliż Craig Steadman li eventwalment rebaħ l-edizzjoni tas-Six Reds. Aaron Busuttil u l-Franċiż, Gregory Kopec ġew ikklassifikati u ppremjati b’midalja tat-tielet post.

Busuttil li matul il-karriera tiegħu kien champion lokali darbtejn, fl-istaġuni 2022/23 u 2023/24, din is-sena qed jkompli juri konsistenza notevoli bil-għan li jikseb l-aħjar riżultati possibbli barra minn xtutna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport