Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar il-programm ta’ Gozo Pops & Rocks 2025, diversi avvenimenti li jsawru programm kulturali dinamiku li jġib flimkien it-talent, il-kreattività u l-ispirtu komunitarju tal-gżira Għawdxija. Bejn it-23 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju 2025, Għawdex se jinbidel f’arena vivaċi ta’ arti u mużika, b’attivitajiet varjati li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Pops & Rocks se tinkludi numru ta’ spettakli ewlenin fosthom Leone Goes Pop, Rockastra u Big Band Adventures. Il-Festa tal-Għasel, li se ssir fil-Ġonna tal-Villa Rundle, se tkompli tesponi r-rabta bejn Għawdex u l-għasel, industrija li tmur lura sekli sħaħ. Fl-Experimental Farm, ix-Xewkija se tittella’ l-attività Furry Tails & Farm Trails u l-avveniment tant mistenni Lejl Imkebbes, b’dawl u spettaklu fiċ-Ċittadella, jerġa’ joħloq atmosfera maġika li tfakkarna fil-ġmiel storiku u kulturali ta’ dan is-sit ikoniku. Dawn l-attivitajiet jgħaqqdu t-tradizzjoni mal-innovazzjoni u jagħmlu minn Għawdex punt ta’ referenza fil-qasam kulturali.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “l-għan tagħna dejjem kien li nattiraw aktar nies lejn il-gżira Għawdxija anki fix-xhur li b’mod tradizzjonali kienu aktar kajmana. L-aħħar statistika tindika biċ-ċar li dan qed jintlaħaq. Fil-fatt, fix-xitwa 2024 it-turiżmu lejn Għawdex żdied b’44% meta mqabbel mal-2023. Jekk tara mbagħad it-turiżmu fil-ħarifa żdied bi 32% fuq is-sena ta’ qabel. Għaldaqstant, irrid inkomplu naħdmu, ninċentivaw sabiex Għawdex verament ikun Għawdex ta’ kull staġun.”
Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lil kull min jaħdem biex Gozo Pops & Rocks 2025 isir realtà filwaqt li stieden lil kulħadd sabiex iżur Għawdex f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ kreattività u kultura.
Għal aktar informazzjoni u programm dettaljat, wieħed jista’ jżur https://eventsingozo.com/gozo-pops-rocks-2025/