Sunday, December 22, 2024

Graffiti b’messaġġi kontra t-tilqima tal-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ritratti: Roger Azzopardi

Il-messaġġ ta’ dawk il-persuni li huma kontra t-tilqim li ġie żviluppat biex jiġġieled il-pandemija preżenti kkawżata mill-Covid-19, qiegħed dejjem jinfirex. Minn messaġġi  ta’ twissija fuq il-midja soċjali u protesti li saru anke lokalment, mezz ieħor li qiegħed jinfirex huwa dak tal-graffiti.

Il-biżgħa ta’ persuni xettiċi mit-tilqima kontra l-Coronavirus hija minħabba li skont huma, din mhix sigura għax ġiet immanifatturata u approvata fi ftit xhur. F’San Pawl il-Baħar dawn it-tip ta’ graffiti qegħdin jinbtu f’postijiet differenti b’waħda minnhom li saret riċentament bil-kitba “A Vaccine is an Experiment” – tilqima hija esperiment. 

Il-graffiti jagħtu dehra kerha kullimkien iżda f’post turistiku bħalma huwa San Pawl il-Baħar u l-inħawi tal-madwar, dan it-tip ta’ vandaliżmu huwa ta’ problema akbar. Aktar minnhekk, messaġġi żbaljati jew qarrieqa li jinstigaw biżgħa f’perjodu mimli sfidi proprju minħabba t-theddida ta’ marda serja, jistgħu jwasslu għal aktar insigurtà fil-poplu.

Arma effettiva kontra virus qattiel…

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li bħalissa ninsabu fil-bidu tat-tielet mewġa tal-pandemija tal-Covid-19. Dan il-virus qattiel oriġina miċ-Ċina u ilu jiċċirkola fuq skala mondjali għal aktar minn sena u nofs. F’dan il-perjodu ġew infettati aktar minn 200 miljun persuna u 4,259,667 tilfu l-battalja għal ħajjithom. L-aktar pajjiżi milquta ħażin s’issa huma l-Istati Uniti b’aktar minn 36 miljun infezzjonijiet u 630,487 imwiet; l-Indja u l-Brażil.

F’Malta mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn, kellna 34,508 każijiet ta’ Covid-19 u n-numru tal-persuni li tilfu ħajjithom kawża tal-virus huwa ta’ 423 persuna.

L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qegħdin iħeġġu lill-poplu biex jieħu t-tilqima minħabba li din hija arma effettiva li tevita kumplikazzjonijiet serji meta wieħed jirriżulta pożittiv għall-virus. It-tip ta’ tilqim li qiegħed jingħata lokalment huwa tal-Pfizer, Moderna, AstraZeneca u dik tal-Johnson & Johnson. Fil-fatt, it-tilqima rriżultat effettiva ħafna fit-tnaqqis ta’ rikoveri fl-isptar u fl-imwiet fost il-pazjenti bil-Covid-19.

Fuq skala internazzjonali, pajjiżna huwa minn ta’ quddiemnett fil-programm ta’ vaċċinazzjoni u  diġà lħaqna l-immunità tal-massa. Minkejja li hemm min qiegħed jinstiga dubji fuq is-sigurtà tat-tilqima kontra l-Covid-19, skont ċifri maħruġa mill-Our World in Data, 86.7% tal-popolazzjoni Maltija hija mlaqqma kompletament. Dan ipoġġina fl-ewwel post fid-dinja segwiti mill-Kanada, ir-Renju Unit u Spanja.

It-tilqima kontra l-Covid-19 f’Malta tingħata bla ħlas lil kulħadd u preżentament għandna żewġ ċentri miftuħa għal min ikun irid imur jeħodha. Dawn huma l-Gateway Hall tal-Università ta’ Malta u t-Teatru Aurora f’Għawdex.

Ekonomija

Sport