Monday, May 13, 2024

“Grazzi għal dak kollu li għamiltu”

Koppja LGBT mill-Istati Uniti tfaħħar lil pajjiżna u l-liġijiet tagħna…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-passi leġislattivi li kien ħa Gvern Laburista f’Ottubru tal-2015 għad-drittijiet tal-komunità LGBT qegħdin iħallu l-frott. Barra li l-persuni f’din il-komunità lokali llum il-ġurnata jgawdu mid-drittijiet kollha li jistħoqqilhom u s-soċjetà Maltija hija aktar inklussiva u progressiva, pajjiżna qiegħed ikun ta’ eżempju u ispirazzjoni għal pajjiżi oħra inkluż l-Istati Uniti, l-art tal-opportunitajiet u l-libertajiet li fil-verità qegħdin iħarsu lejn pajjiżna biex jitgħallmu u jimxu fuq il-passi li għamilna aħna f’dan l-ambitu.

Dan ħareġ biċ-ċar f’intervista li għamel IT-TORĊA mal-koppja Linda Dolton u Dott. DeAnn Kalich, li ġew għall-ewwel darba Malta minn Louisiana proprju biex jipparteċipaw fil-EuroPride 2023 fil-Belt Valletta. Iżda, dawn ma ġewx f’pajjiżna għalhekk biss. 

Dolton b’oriġini Maltin iggradwata darbtejn, taħdem mal-uffiċċju tax-xerif lokali mentri Kalich hija Professur tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Lousiana “Lafatette” li tispeċjalizza fl-Istudji tal-Ġeneru u s-Sesswalità kif ukoll hija l-konsulent tal-fakultà għall-organizazzjoni LGBT tal-istudenti. Dwar il-liġijiet progressivi tagħna fuq livell Kostituzzjonali, din il-koppja LGBT faħħruna u rringrazzjawna “għal dak kollu li għamiltu biex tkun minn ta’ qudddiem nett u ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja fejn jidħlu drittijiet tal-persuni LGBT”. 

Kalich, li ilha tgħallem is-snin fl-università Amerikana, hija milquta b’mod pożittiv dwar dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna fejn qaltilna li tul iż-żjara tagħhom hija ħadet ħsieb li tosserva mill-viċin dak li sar u għadu jsir lokalment fir-rigward. 

Ommha ma mmaġinatx li l-affarijiet hawn inbidlu daqshekk

“L-attività tal-EuroPride hija avveniment kbir hawn Malta. Hija żviluppata kif ukoll organizzata. Fejn noqgħod jiena ssir attività simili imma fuq skala iżgħar. Kien għalhekk li ddeċidejt li niġi hawn, kif ukoll biex niltaqa’ għall-ewwel darba ma’ wħud mill-qraba tiegħi f’Malta”. Hekk qaltilna Dolton li ommha kienet Maltija li żżewġet Ingliż u wara emigraw minn pajjiżna.

Imwielda f’Seattle, Dolton qaltilna li hija minn dejjem kienet miġbuda lejn is-sess femminili u li għall-bidu, minħabba li ommha kienet kienet imrobbija fi żminijiet konservattivi, “ħadet din l-aħbar bil-kbir ħafna. Meta għidtilha li ġejja Malta għall-EuroPride lanqas biss riedet temmini. Ommi telqet minn Malta fil-bidu tas-sittinijiet u tiftakar pajjiż konservattiv bi twemmin reliġjuż b’saħħtu ħafna. Ma immaġinatx li l-affarijiet hawn inbidlu daqshekk. Imma, illum il-ġurnata lil DeAnn mhux talli aċċettata, talli tqisha u tħobbha bħallikieku hija bintha”.

“Rabbejt ġenerazzjoni ta’ priġunieri”

Dolton u Kalich ilhom ħbieb għal madwar 25 sena. Issa ilhom flimkien f’relazzjoni soda għal dawn l-aħħar sitt snin fejn anke qegħdin jippjanaw li jiżżewġu. Fir-rigward din il-koppja nisa qalulna li lura f’pajjiżhom, meta mqabbel ma’ Malta, id-drittijiet tal-persuni LGBT mhumiex avvanzati bħal tagħna. 

Fl-Istati Uniti, spjegat din il-pulizija Amerikana, “in-nisa huma mbottati ħafna biex jirnexxu fil-karriera ħalli jkunu ugwali”. Il-karriera li għażlet hija dak iż-żmien kienet ippredominata mill-irġiel u kienu ftit bħalha li xorta waħda daħlu għaliha. Dolton għamlet 35 sena taħdem fil-faċilitajiet korrettivi ta’ Louisiana u ilha għal dawn l-10 snin mad-dipartiment tax-xerif. Hija spjegat li m’għandhiex dispjaċir li qatt ma kellha t-tfal bijoloġiċi tagħha minħabba li l-istudji u x-xogħol dejjem ħadulha ħafna mill-ħin tagħha. Hawn żiedet li, “sa ċertu punt rabbejt ġenerazzonijiet ta’ priġunier fejn kont ngħinhom u niggwidahom”.

Din l-uffiċjal għall-infurzar tal-liġi f’Louisiana, tul il-karriera tagħha għamlet taħriġ intensiv tip tal-militar u llum il-ġurnata waslet biex tirtira. Fil-fatt, ftit ġranet wara li titlaq minn pajjiżna, hija se toħroġ bil-pensjoni. Ta’ mara attiva li hija, Dolton bi tbissima qalet li wara se tkun qiegħda tgħallem fl-Università ta’ Lafayette. 

Proprju fuq is-suġġett ta’ tagħlim, dorna fuq Kalich. Fl-intervista sirna nafu li l-Unversità li tgħallem fiha baghtiha Malta biex tiġbor tagħrif ħalli tużah fit-tagħlim u r-riċerka tagħha b’mod partikolari għal ktieb li se jiffoka fuq il-movimenti għad-drittijiet ċivili sesswali madwar id-dinja. Dan il-ktieb se jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem nett u se jitratta wkoll esperjenzi ta’ nies li ffaċċjaw opressjoni minħabba l-għażla tal-ġeneru jew is-sesswalità tagħhom. 

Iżżewġet għax hekk kien mistenni minnha…

Kalich min-naħa tagħha qaltilna li hija kienet miżżewġa u kellha tlett itfal mar-raġel li kellha. “Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa differenti fija imma ma stajtx nifhem x’inhi. Wara 15-il sena sseparajt u niftakar kont ċempilt lil Linda biex ngħidilha li għamiltha uffiċjali li jien gay. Għaddew is-snin, imbagħad sitt snin ilu sirna koppja,” spjegat din l-professur Amerikana.

“Inħoss konnessjoni personali ma’ Malta għax l-għarusa tiegħi hija ta’ oriġini Maltin u bħala mara omosesswali li dejjem esprimiet il-ġeneru tagħha b’mod uffiċjali, imtella’ f’familja Kattolika, din hija l-ewwel żjara tagħha f’art twelid ommha. Għalina jfisser ħafna l-fatt li konna tant milqugħa mill-EuroPride 2023”. 

Dolton, li l-uniku dispjaċir li għandha huwa dak li ma bdietx ir-relazzjoni ma’ Kalich snin qabel, qablet ma’ dak li bdiet tgħidilna Kalich. Bejn tbissima u ħarsa lejn xulxin, din il-koppja komplew jgħidulna kemm huma kuntenti li ġew Malta għall-EuroPride fejn b’konvinzjoni qalulna li żgur li se jerġgħu jiġu. Waħda mill-aktar attivitajiet li attendew u għoġbithom tul il-EuroPride 2023 kien l-ispettaklu intitolat “The Chosen Harem” u ta’ interess kbir kien il-film festival tal-Ħamis li għadda li ffokka fuq esperjenzi Maltin. 

Hawn qalu li, “l-attività rrikonoxxiet it-tbatijiet li sofrejna. Bħalma Malta kienet importanti għall-pożizzjoni ġeografika strateġika tagħha fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-istess hija importanti issa bħala gżira f’nofs il-Mediterran biex tgħaddi messaġġ favur il-komunità tagħna għad-drittijiet ċivili tal-ġeneru. Hawn huwa post sigur li jippermetti lill-komunità LGBT tgħix kif jistħoqqilha”.

“Komplu ħaddnu l-imħabba”

Din il-koppja semmew kif lura f’pajjiżhom il-persuni LGBT għadhom, anke fl-2023, ibatu minn ċerti diskriminazzjonijiet fejn fost l-oħrajn jitkeċċew mid-djar u anke mill-impjieg minħabba l-għażla tal-ġeneru jew is-sesswalità tagħhom.

Suġġett delikat li qbadna kien dak kontroversjali dwar il-persuni b’attrazzjoni lejn it-tfal li qegħdin jisħqu li ladarba huwa aċċettat u ngħatat bi dritt l-għażla sesswali tal-persuni LGBT, l-istess għandhom ikunu aċċettati l-preferenzi tagħhom. Din il-koppja qablet li, “dan assolutament m’għandux ikun għax it-tfal mhumiex maturi biżżejjed biex jagħtu tali kunsens” u Dalton żiedet li, “nies hekk, jien narrestahom”.

Min-naħa tagħhom Dolton u Kalich stiednu lill-poplu Malti biex ikompli jħaddan l-imħabba li raw f’dawn il-ġranet waqt il-EuroPride. B’apprezzament għall-fatt espress li pajjiżna huwa ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja fejn jidħlu d-drittijiet tal-persuni LGBT, din il-koppja żgur li se jieħdu isem pajjiżna barra minn xtutna. Isem pajjiż li verament għandna ta’ min inkunu kburin bih.

Sport