Friday, May 17, 2024

GRAZZI LIL MIN ĦIEREĠ… AWGURI LIL MIN DIEĦEL

Aqra wkoll

Fi ftit jiem oħra, peċiżament fl-4 ta’ April li ġej, pajjiżna se jidħol f’era ġdida bil-presidenza ta’ pajjiżna tgħaddi għand in-nutar Miriam Spiteri Debono, bl-appoġġ tal-Parlament kollu kemm hu. Il-mod ta’ kif inħatret huwa turija ċara li d-demokrazija f’pajjiżna hija b’saħħitha, mhux biss imma anke l-għaqda nazzjonali.

Dan insostnuh għax għall-ewwel darba, il-ħatra ta’ President tar-Repubblika, bir-riforma kostituzzjonali li wettaq il-Gvern Laburista, kienet tinħtieġ l-approvazzjoni ta’ mill-inqas żewġ terzi tad-deputati parlamentari u fil-kaz ta’ Miriam Spiteri Debono, l-approvazzjoni għan-nomina tagħha kienet totali, tal-Parlament kollu.

Iżda inkunu qegħdin nonqsu minn dmirna jekk, filwaqt li nawguraw lin-nutar Spiteri Debono, ma nsellmux u ma nfaħħrux it-tajjeb kollu li wettaq il-president uxxenti, Dott. George Vella. Anzi, irridu nsellmulu u niżżuħ ħajr għal mod dinjituż li bih okkupa l-kariga ta’ President tar-Repubblika. Żgur li għamel ġieħ lil pajjiżna.

Min-naħa l-oħra, aħna nħossuna konvinti li Miriam Spiteri Debono, għalkemm hija persuna b’karatteristiċi differenti mill-President ta’ qabilha, se tkompli tibni fuq it-tajjeb li wettaq Dott. George Vella tul il-presidenza tiegħu fil-ħames snin li għaddew.

Konvinti li fuq kollox se tkompli tagħti prijorità mistħoqqa lil-lingwa tagħna u se tistinka biex bħala poplu nibqgħu nkunu kburin bl-ilsien tagħna. Li għandna nagħmlu dak kollu li jkabbar u mhux iċekken l-lingwa Maltija. Li naraw li l-lingwa tagħna ma titwarrabx jew li b’xi mod tingħata l-ġenb.

Għandna għax nifhmu wkoll li l-President il-ġdida tipprova tagħti ħajja lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex bħala poplu sovran inkomplu niżviluppaw il-liġi suprema ta’ pajjiżna dejjem għall-aħjar. Nemmnu dan għax il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna hija waħda dinamika u mhux statika, li la darba saret, tibqa kif inhi.

Fuq kollox nemmnu li Miriam Spiteri Debono għandha l-kwalifiki kollha u l-esperjenza biex tmexxi ‘l quddiem dan kollu għal ġid tal-Maltin u l-Għawdxin. Iż-żmien li fis-snin 90 għamlet fil-kariga ta’ Speaker tal-Parlament, huma xiehda biżżejjed tal-kapaċitajiet tagħha li twettaq dan.

L-għażla tagħha biex tokkupa l-ogħla kariga tal-Istat Malti kienet l-aħjar waħda li setgħet issir. Dan ġie rifless fil-qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, turija wkoll li kuntrarju għal dak li kien jgħid il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern Laburista mhuwiex ta’ ras iebsa imma lest għal kompromessi la darba jkun għal ġid tal-pajjiż. Għalhekk, f’dan il-kuntest, nawguraw li Spiteri Debono tkun is-simbolu tal-għaqda fost il-Maltin.

Sport