Saturday, December 14, 2024

“Grazzi tat-talb u tal-messaġġi … it-tobba se jagħmluli iżjed testijiet biex jiddeterminaw il-kawża u l-pjan ta’ rkupru”

Kate Ferriggi lis-segwaċi tagħha wara li fl-aħħar sigħat inqalgħulha xi komplikazzjonijiet waqt li kienet tinsab fi sptar fil-Polonja

Aqra wkoll

Fl-aħħar ħin, iċ-ċkejkna Kate għadha kemm qasmet kitba bħala aġġornament dwar is-sitwazzjoni medika tagħha. Hija għarrfet lis-segwaċi tagħha illi fortunatament dalgħodu ħassitha kemxejn aħjar.

Kate kompliet tispjega li t-tobba se jkunu qed jagħmlulha numru ta’ testijiet sabiex permezz tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jeddeterminaw il-kawża li wasslet għall-komplikazzjonijiet kif ukoll pjan biex il-pulmun jerġa’ jiġi fl-istat li kien qabel ma seħħ dan kollu.

Hija rringrazzjat lill-ħbieb u l-familjari tagħha tat-talb u l-messaġġi li rċeviet wara li fl-aħħar sigħat ħabbret illi kellha xi komplikazzjonijiet.

09:55 a.m. “Inqalgħuli xi komplikazzjonijiet … jekk jogħġobkom, ftakru fija fit-talb tagħkom”

Fl-aħħar sigħat, Kate kellha xi komplikazzjonijiet waqt li bdiet tieħu saħħitha lura wara li nhar is-Sibt li għadda sarilha intervent mediku fi sptar fil-Polonja bit-tama li jkollha aktar stabbiltà fuq saqajha. Minħabba f’hekk hija se ddum iżjed jiem l-isptar milli oriġinarjament kien pjanat.

Hija qalet dan f’kitba li qasmet fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, ‘Kate: Writing My Story’, fejn spjegat li: “F’salt wieħed il-livelli tal-ossiġnu tbaxxew f’daqqa u kien diffiċli immens biex nirregolah lura għan-normal. Kawża ta’ dan kelli nagħmel x-ray ta’ sidri li kkonferma illi għandi xi problemi fis-sistema respiratorja u li din mhix tiffunzjona kif suppost”.

Kate kompliet tgħid li wara illi rċeviet xi terapiji kif ukoll il-mediċini meħtieġa, il-kundizzjoni tagħha ġiet stabbilizzata.

Fl-aħħar nett hija appellat lis-segwaċi tagħha sabiex jiftakru fiha fit-talb tagħhom filwaqt li rringrazzjathom tas-sapport li dejjem urewha, speċjalment tal-għajnuna tagħhom sabiex dan l-intervent mediku seta’ jkun possibbli.

Ekonomija

Sport