Saturday, October 26, 2024

Grech fiduċjuż li wasal iż-żmien li l-PN jista’ jerġa’ jissaħħaħ mill-ġdid

Aqra wkoll

Waqt attività politika mis-Sannat li permezz tagħha ġew fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet marbutin mal-Indipendenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jitnikket u jinkwieta meta jara l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin li sejra lura kuljum.

Grech qal li huwa fid-dmir tal-gvern huwa li jindirizza l-problemi tan-nies u ma jistax jibqa’ jsib l-iskużi. Huwa saħaq li jekk mhux se jkun kapaċi jagħmel dan jeħtieġ li jilqa’ l-ideat tal-Partit Nazzjonalista ppreżentati fil-manifest elettorali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-għoli tal-ħajja qiegħed ikisser lil kulħadd u l-gvern qiegħed jibqa’ ċass quddiem din ir-realtà. Grech qal li minflok qiegħed jara kif itejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, il-gvern issa qiegħed jara minn fejn se jqanċaċ. 

Sostna li dan huwa gvern li ma jafx jagħraf il-prijoritajiet u li ma nistgħux nippermettu li l-ambjent jibqa’ jinqered. “Għalhekk hemm il-Partit Nazzjonalista… wasal il-mument li lkoll flimkien nuru li nistgħu nieqfu lil dan il-gvern milli jkompli jeqred il-futur ta’ wliedna”, saħaq Grech filwaqt li sostna li l-konservazzjoni tal-ambjent għandha tkun il-prijorità.

Tkellem dwar is-servizz tas-saħħa f’Għawdex u qal li l-Għawdxin qegħdin ibatu minħabba nuqqas ta’ servizzi. Qal li l-Għawdxin m’għandhomx is-serħan il-moħħ u qal li f’każi ta’ emerġenza hemm pazjenti li jieħdu s-sigħat biex jiġu trasportati lejn Malta għal interventi partikolari. Saħaq li hemm ċertu mumenti fis-saħħa li minuta jaf tagħmel differenza.

Għal darba oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li stħarriġ ġdid reġa’ qiegħed juri li ż-żgħażagħ iridu jħallu pajjiżna minħabba li qegħdin jaqtgħu qalbhom minn dan il-pajjiż.

“Ejjew ħalli flimkien mhux biss insaħħu lill-Partit Nazzjonalista, imma nagħtu futur aħjar lil dawn iż-żgħażagħ”, kompla biex jappella Grech filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun hemm biex jissielet għal dawn iż-żgħażagħ.

Sport