Monday, December 23, 2024

Grech isostni li l-proposti tal-PN jistgħu jġibu d-differenza f’kull wieħed u waħda minna

Il-PN iniedi d-Dokument ta’ Qabel il-Budget 2023

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, ġie mniedi d-dokument ta’ qabel il-budget wara dik li l-Partit Nazzjonalista sejjaħ konsultazzjoni wiesgħa.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa minnu qal li f’dan id-Dokument hemm miġbura aktar minn 340 proposta, rakkomandazzjoni jew punti ta’ azzjoni. Proposti li jistgħu jnisslu d-diskussjoni, iżda li jekk il-Gvern jimplimentahom, iġibu differenza f’kull wieħed u waħda minna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-ruħ soċjali tal-Partit Nazzjonalista tiddistingwih mill-bqija tal-partiti politiċi f’pajjiżna. Huwa żied jgħid li pajjiżna jrid jinvesti ħafna u ħafna aktar fil-mobbiltà soċjali biex nibdew mexjin it-triq li permezz tagħha neliminaw il-problema tal-faqar f’pajjiżna u ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Jerome Caruana Cilia saħaq li rridu nibnu l-ekonomija ta’ għada f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli, f’pajjiż isbaħ u b’aktar spazji miftuħa, b’industrija tat-turiżmu li tiffoka fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-volumi.

Dwar l-ambjent ingħad li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn dan is-settur bħala suġġett iżolat, iżda nibnu qafas fejn il-prijorità tal-protezzjoni tal-ambjent tkun parti integrali minn kwalunkwe settur tal-politika.

Għal dawk li jixtiequ kopja ta’ dan id-dokument jistgħu jagħmlu dan minn hawn taħt:
https://wetransfer.com/downloads/6238ce6990e710760767a74b6287cd8b20221018141118/059cb0455b37c6f76df01f6b2806159120221018141134/ed99d0

Ekonomija

Sport