Sunday, November 24, 2024

Grech iwiegħed mini taħt l-art fir-Rabat Għawdex biex inaqqas it-traffiku

Aqra wkoll

Fil-bidu tal-indirzz tiegħu minn Għajnsielem spjega kif mara sempliċi li fl-aħħar attività fin-Nadur Għawdex tatu żewġ torti fehmet sew il-prinċipji tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. Grech qal li waħda minn dawk it-torti tathielu biex jagħtiha lill-ġara li tieħu ħsiebhom. Grech qal li fis-soċjetà, kull wieħed u waħda minna għandu responsabbilitajiet lejn xulxin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’żewġ sentenzi jħoss li din il-mara b’dawn iż-żewġ torti tal-ġbejniet u l-ful fehmet eżattament x’qiegħed jgħid bħala partit.

Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-Ukreni u s-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Grech esprima d-delużjoni tiegħu rigward it-telf ta’ opportunità biex b’mod nazzjonali jesprimi s-solidarjetà mal-komunità Ukrena. Huwa qal li hu kompla bil-ħidma tiegħu wara li baqa’ bla risposta rigward is-sejħa biex bħala mexxejja llum iwaqqfu l-kampanja u jagħmlu marċ ta’ solidarjetà.

Rigward it-trackless tram f’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan mhuwiex se jkun qed ikopri l-gżira Għawdxija għax is-sistema tat-trasport taħdem “mhux ħażin”. 

Grech ma eskludiex li t-trackless tram tiġi introdotta aktar ’il quddiem, iżda għalissa l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista huwa li jistudja l-possibbiltà dwar mini li jgħaddu minn taħt ir-Rabat (Għawdex) biex dan iċ-ċentru storiku jiġi salvat mit-traffiku li jgħaddi minn hemmhekk.

Bernard Grech kompla biex jgħid li wasal iż-żmien li pajjiżna jkollu mexxejja serji u integri u biex dan iseħħ l-elettorat għandu għażla waħda quddiemu li hija dik tal-Partit Nazzjonalista.

Sport