Saturday, December 21, 2024

Grech jemmen li fl-Elezzjoni Ġenerali l-poplu kapaċi jibgħat messaġġ lid-dinja kollha

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika minn Ħal Balzan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li kien qiegħed jistenna li gvern Laburista jindirizza ħafna affarijiet li baqgħu jingħataw il-ġenb matul is-snin.

Grech irrefera għal diskors tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol meta qal li l-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva dan il-budget għal-lum kienet xi ħaġa pożittiva minn naħa tal-Oppożizzjoni. Grech qal li l-politiku għandu l-obbligu li jara fejn irid jieħu lil pajjiżu u mhux biss jindirizza l-preżent. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dan il-budget ippreżentat huwa ieħor fl-arja.

Grech kellu kritika għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja u staqsa jekk din iż-żieda hijiex biżżejjed biex tkopri ċertu spejjeż bħalma huma l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Grech sostna li l-oppożizzjoni titkellem il-lingwa tal-verità għax qiegħed viċin il-weġgħat tan-nies. Skont Grech, ħafna kienu dawk li spiċċaw b’feriti minħabba pandemija li ħakmitna għall-għarrieda. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jilqgħu l-viżjoni li għandu l-partit immexxi minnu għax pajjiżna jrid jagħti bilanċ tajjeb bejn il-ħajja u x-xogħol.

Rigward it-trakka tal-karozzi u l-muturi, Grech qal li din hija ħolma li ilha tiġi mwiegħda għal numru ta’ snin. Żied jgħid li gvern Nazzjonalista jserraħ ras id-dilettanti u jekk ikun fil-gvern se jkun qiegħed jagħmel trakka li tixraq lid-dilettanti u lil dan l-isport f’pajjiżna.

Grech irrikonoxxa li taħt gvern Laburista hawn min hu komdu u min għaddej tajjeb u saħaq li Partit Nazzjonalista se jkun hemm għal oħrajn li qegħdin ibatu.

Filwaqt li semma uħud mill-proposti tal-partit, Grech qal li l-poplu Malti għandu jibgħat messaġġ lid-dinja kollha fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss billi jagħżel lill-Partit Nazzjonalista biex jagħtih id-direzzjoni.

Ekonomija

Sport