Sunday, December 22, 2024

Grech jgħid li għandu l-obbligu li jibqa’ jikkonvinċi sal-aħħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jappella lil dawk li ma jridux jivvutaw biex jużaw iċ-ċavetta tal-opportunitajiet ta’ gvern Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda biex jirringrazzja lin-Naxxarin li laqgħuh għall-attività politika bit-tema ‘Miegħek Għal Malta’. Grech qal li l-folla ta’ kull ġimgħa qiegħda tkompli tikber u dan għaliex din il-ġimgħa kienet pożittiva għax kompla jiltaqa’ man-nies u jsir jafhom. 

Kompla li l-viżjoni li dan il-Partit għandu għall-pajjiż, toħodna għall-anqas sal-2030. 

Żied jgħid li llum jekk inti taħdem f’diversi setturi, bħalma huma l-farmaċewtika jew l-avjazzjoni fost l-oħrajn, “inti llum għadek taqla’ x’tiekol grazzi għall-ġid li ħoloq il-Partit Nazzjonalista”, kompla Grech.

Grech kompla biex jgħid li għandna Prim Ministru li mar għal elezzjoni ġenerali mingħajr ma huwa evidentament preparat. “Kull ġurnata li qiegħda tgħaddi qegħdin tgħidulna li nistgħu nkunu aħna, li tkunu intkom l-alternattiva li għandu bżonn dan il-pajjiż”, kompla Grech filwaqt li rringrazzja lill-Għawdxin li s-Sibt laqgħuh b’tant għożża. Għal darba oħra, Grech qal li filwaqt li l-Partit tiegħu huwa lest, ħaddieħor għadu qiegħed jikkupjah.

Tenna jgħid li Robert Abela ilu sentejn Prim Ministru u jinsab bla viżjoni u għalhekk l-poplu għandu viżjoni waħda quddiemu, li hija dik tal-Partit Nazzjonalista. Qal ukoll li Robert Abela kellu jċedi għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista li kompliet tagħmel id-differenza anke mill-Oppożizzjoni biex setgħu jaqgħu proġetti bħalma kienu tal-marina f’Marsaskala.

“Issa li għaddew ġimagħtejn sħaħ ta’ din il-kampanja elettorali, fejn aħna għandna viżjoni ċara u programm elettorali b’saħħtu, n-naħa l-oħra hemm il-baħħ”, kompla jisħaq Grech.

Sostna li l-Partit Laburista sar partit negattiv tal-le u allura l-poplu li għadu ma ddeċidiex jeħtieġ li jagħżel lill-Partit Nazzjonalista għax għall-Partit Nazzjonalista kollox possibbli”.

Dwar l-FATF, Grech qal li tlajna tarġa, iżda allaħares le, għax din hija biss farka milli jista’ jsir biex pajjiżna jneħħi ismu mil-lista l-griża. Huwa fakkar li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, il-poplu jkun qiegħed iwassal messaġġ lid-dinja li pajjiżna ma jixraqlux ikun f’din il-lista.

Filwaqt li tkellem dwar iżjed proposti, fosthom żieda ta’ 25 fil-mija fl-istipendji, Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-oriġinali u għalhekk f’din l-elezzjoni jeħtieġ li l-għażla tkun ċara. “Din l-elezzjoni hija opportunità biex nibdlu r-rotta. Lil dawk li vvutaw il-PL u se jivvutawlu mill-ġdid nibqa’ nirrispetta d-deċiżjoni tagħhom. Imma jien baqagħli l-obbligu li nipprova nikkonvinċik. Nifhem li l-qalb tweġġa’. Nifhem li l-emozzjoni tkun kbira biex idejk tmur fuq in-naħa kaħla tal-vot, iżda dan huwa l-mument biex b’moħħok tagħżel x’inhu l-aħjar għalik u għall-għeżież tiegħek”, tenna Grech.

Finalment huwa appella lil dawk il-ħafna li ma jridux jivvutaw biex ma jaħlux il-vot tagħhom għax f’idejhom għandhom iċ-ċavetta biex jinfetħu l-bibien tal-opportunitajiet li gvern nazzjonalista jista’ joħloq.

Ekonomija

Sport