Monday, April 29, 2024

Grech jgħid li huwa ma rax il-ġlieda barra l-każin tal-PN fil-Ħamrun 

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech xehed fil-Qorti li huwa ma kienx ra l-aggressjoni sseħħ barra l-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun li ħalliet raġel midrub gravi. Huwa sostna li fehem li kellu jżomm id-distanza “biex jevita l-problemi.” 

Dr Grech kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Andrew Attard ta’ 48 sena li jinsab mixli li weġġa’ gravi lil Noel Mifsud Bonnici waqt il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Attard qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. 

Fix-xhieda tiegħu, il-Kap tal-PN qal li dakinhar li seħħ l-inċident, hu flimkien ma’ martu kienu qed iduru l-każini fil-Ħamrun. Qal li ħdejn il-każin tal-PN fil-Ħamrun kien tkellem ma’ xi nies u mbagħad fi kliemu stess għax fehem li kellu jżomm id-distanza u għax mhux persuna li jaqla’ l-inkwiet, iddeċiedi li jibqa’ għaddej. Qal li kif telaq minn fuq il-post semgħu bħal kommossjoni li kienet ġejja minn warajhom. 

Ftit minuti wara, xi ħadd kien informah li weġġa’ Noel Mifsud Bonnici u Grech mar jara x’ġara. “Sibtu mal-art, wiċċu ‘l fuq. Mort inkellmu u qalli li ma felaħx iqum. Qalli biex inkompli bix-xogħol tiegħi fil-partit,” tenna Dr Grech filwaqt li nsista li huwa ma kienx ra l-inċident iseħħ. 

Mistoqsi mill-Avukat George Camilleri, li qed jidher parte civile għal Mifsud Bonnici, min kien il-persuna li infurmah bl-inċident, ix-xhud wieġeb: “Manuel li kien fil-każin. Naf li huwa parti mill-kumitat u kien ukoll il-barman tal-każin numru ta’ snin ilu.”

“Manuel deher sorpriż li kont hemm. Huwa qalli li ma kienx il-mument it-tajjeb li nkun hemm. Qalli: Ma taħsibx li aħjar ma tidħolx ġewwa? Ġewwa hemm numru ta’ partitarji Laburisti, allura jista’ jiġri xi ħaġa,” żied jgħid ix-xhud.

Huwa qal ukoll li baqa’ f’kuntatt regolari mal-vittma anke wara l-inċident. Dan filwaqt li mar jarah l-isptar fejn kien qed jiġi rikoverat.

Il-każ ikompli f’Marzu. 

Sport