Friday, May 10, 2024

Malta b’irkupru impressjonanti mill-pandemija 

- l-IMF

Aqra wkoll

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) reġa’ faħħar it-tmexxija ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna. Fil-fatt, fir-rapport annwali tiegħu fuq pajjiżna, l-IMF sostna li Malta esperjenzat irkupru impressjonanti mill-pandemija filwaqt li wriet reżiljenza għax-xokkijiet internazzjonali u b’hekk se jkollna fost l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

L-IMF biddel it-tbassir ekonomiku għall-2023 minn 4% għal 6.2%. Barra minn hekk, qed ikun mbassar li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’rata ta’ 5.1%. Dan ifisser għaxar darbiet ir-rata li l-istess esperti tal-IMF qed ibassru għaż-żona Ewro u l-maġġoranza tal-ekonomiji Ewropej. 

L-inflazzjoni mistennija tonqos gradwalment u huwa mbassar li r-rata għal din is-sena se tkun ta’ 2.9%. Dan filwaqt li r-rata ta’ qgħad se tibqa’ fil-livell ta’ 2.5%. 

L-esperti tal-IMF huma tal-fehma wkoll li s-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija għandu jitneħħa gradwalment filwaqt li jiżdied l-appoġġ immirat għal familji vulnerabbli. Min-naħa l-oħra, huma laqgħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja ta’ Malta u ħeġġu lill-awtoritajiet sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riformi strutturali u tingħata spinta lill-produttività.

B’reazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li laqa’ r-rapport tal-IMF, semma kif l-għajnuna fis-settur tal-enerġija kienet kruċjali. Qal li “huwa minnu li qed ninvestu ħafna biex ngħinu l-familji kollha, kif tinnota l-IMF stess, però dan mhu se jwaqqaf xejn mill-investiment li qed inkomplu nagħmlu fil-pajjiż.”

“L-istabbilità hija s-serħan il-moħħ tal-familji u n-negozji. Għalhekk ħdimna u ġibna ftehim għal stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 400 prodott tal-ikel,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Sport