Tuesday, May 14, 2024

Grech jgħid li kien il-PN li daħħal l-IVF… jissuġġerixxi li l-proċess tal-Polar Body Testing jiġi implimentat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien favur il-ħajja u jrid li aktar koppji kemm jista’ jkun u kemm jixtiequ jsiru ġenituri. Qal li kien għalhekk li 10 snin ilu, Gvern Nazzjonalista daħħal il-liġi tal-IVF. “Għaliex daħħalna l-liġi? Dejjem emminna u dejjem ridna ngħinu lil dawk il-koppji li jkollhom din ix-xewqa,” qal Grech filwaqt li żied li din il-liġi tjiebet u llum għandna abbozz ta’ liġi li se jkompli jtejjeb l-opportunitajiet tal-koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal.

Huwa qal li mhux aċċettabbli li jkollok koppji jħallsu l-ispiża imbagħad tirrifondihom iżda hemm bżonn li tingħata mill-ewwel il-mediċina b’xejn. “Nagħmel appell sinċier – oħorġu l-ħlas tal-mediċina mill-ewwel lil dawk il-koppji biex ma jkollhomx problema jaslu għaliha,” qal Grech.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni taqbel li l-Pre-implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases (PGT-M) hi teknika tajba ta’ mediċina avvanzata li l-bniedem għandu a dispożizzjoni tiegħu.

Huwa qal iżda li teżisti għodda oħra li hi tajba li wkoll għandha s-suċċess tagħha, li hi wżata internazzjonalment, dik tal-Polar Body Testing (PBT). Qal li benefiċċju tal-PBT huwa li ma jkollokx ‘stock piling’ ta’ embrijuni.

“Qed nissuġġerixxu li l-proċess tal-PBT jista’ jiġi implimentat b’mod aktar wiesgħa. Għandek koppji jew individwi li jixtiequ jkollhom tfal il-PGT-M hi soluzzjoni li tgħinhom però meta nafu li hemm il-PBT li tista’ ttihom l-opportunità li jittestjaw il-bajda biss u mhux l-embrijun jgħidulek kieku nixtieq immur għaliha.

“Ejjew inpoġġu wkoll il-Polar Body Testing bħala servizz b’xejn xjentifiku avvanzat li jingħata lill-koppji ħalli ma nċaħħdux lill-koppji milli jmorru għal din l-għażla. Irridu li l-IVF ikun aktar aċċesibbli però rridu li jkun tassew aċċessibbli għal kulħadd anke dawk li ma jixtiqux jużaw il-PGT-M,” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Sport