Sunday, December 22, 2024

Grech jgħid li l-PN huwa ffokat biex jindirizza l-problemi li jolqtu lin-nies

Aqra wkoll

F’intervista li saritlu fil-Qrendi, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar l-għoli tal-ħajja fejn enfasizza li jeżistu soluzzjonijiet għal din il-kwistjoni. 

Huwa stqarr “li ma tagħmel xejn mhijiex għażla” u kien għalhekk li bħala partit tkellmu dwar dik li sejħilha “d-determinazzjoni tagħhom” li fil-pjan ekonomiku u fiskali jkunu jistgħu jallokaw €40 miljun biex jgħinu lil min jimporta u jesporta f’pajjiżna. 

Qal ukoll li huma tkellmu fuq l-importanza li l-Gvern ma jintaxxax iż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja. Huwa kompla billi insista li ż-żewġ partiti mhumiex l-istess u filwaqt li akkuża lill-Prim Ministru li huwa mifxul fi “problemi interni”, qal li l-PN huwa ffokat biex jindirizza l-problemi li jolqtu lin-nies. 

Meta mistoqsi dwar il-protesta li saret is-Sibt filgħodu dwar l-ambjent f’pajjiżna, il-Kap tal-Opożizzjoni qal li huwa tajjeb li n-nies jitkellmu u juru l-għadab tagħhom filwaqt li l-bniedem għandu dritt li jgħix tajjeb u jgawdi minn kwalità ta’ ħajja tajba. Qal iżda li l-kwalità tal-ħajja qiegħda tiġi “bbumbardjata” jew bi żvilupp mingħajr kontroll jew bi traffiku kontinwu.

Grech kompla jgħid li hemm bżonn li l-NGOs jingħataw aktar leħen fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet. Hawn iddikjara li jinsab kburi li bħala partit mhux biss kontinwament jinsabu viċin in-nies imma qegħdin anke jikkonsultaw ma’ dawn l-għaqdiet. 

Huwa kompla jenfasizza li “rridu li l-bniedem Malti jew barrani ikun stmat u rispettat u aħna rridu li int ikollok xogħol ta’ kwalità u futur f’pajjiżek. Bħala partit nemmnu li biex verament ikollna kwalità ta’ ħajja rridu nkomplu naħdmu għall-persuna. Il-kwalità tal-ħajja hi wkoll kemm int tista’ tgawdi l-ħin liberu tiegħek, li jkollok job li jkun biżżejjed sabiex tgħix diċenti.”

Ekonomija

Sport