Friday, May 3, 2024

Jammetti li seraq b’€700 f’laħam minn supermarket f’Ħal Balzan fi tmien okkażjonijiet

Aqra wkoll

Raġel kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li seraq b’kemm jiswew €700 f’laħam minn supermarket fi tmien okkażjonijiet fuq perjodu ta’ tliet xhur. 

Klodjan Ranci, Albaniż ta’ 49 sena residenti l-Furjana, wieġeb ħati li seraq ikel u toaser mill-iSmart Supermarket f’Ħal Balzan f’diversi okkażjonijiet bejn Frar u Mejju ta’ din is-sena. 

Huwa kien arrestat wara li s-Sibt li għadda nqabad fil-fatt jisraq. Filmati tas-CCTV urew lir-raġel iwettaq dawn ir-reati. Il-Qorti semgħet kif ir-raġel kien ħeba l-ikel li kien ordna fil-basket tiegħu u naqas milli jpoġġihom fuq il-conveyer belt meta mar biex iħallas.

L-Avukati Difensuri qalu li klijent tagħhom kien qiegħed jammetti għall-akkużi kif kien għamel ukoll fl-istqarrija li ta lill-pulizija. Huwa kien ukoll ħallas lis-supermarket tal-ikel kollu li kien seraq filwaqt li kkopera bis-sħiħ mal-pulizija.

Il-Maġistrat Leonard Caruana, li quddiemu tressaq l-Albaniż, laqa’ t-talba tad-Difiża u tah il-libertà kkundizzjonata. 

L-Avukati Franco Debono u Karl Micallef dehru għar-raġel.

Sport