Friday, November 15, 2024

Grech jibqa’ jsostni li l-Ministru Bonnici għandu jirriżenja u jirreferi għall-PM bħala Diviżiv

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għal darba oħra saħaq li l-Ministru Owen Bonnici għandu jirreżenja fid-dawl ta’ tliet sospensjonijiet ta’ persuni f’karigi fil-qasam kulturali f’temp ta’ ftit ġimgħat.

Waqt intervista fuq Net FM, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Ministru Owen Bonnici għandu jerfa’ r-responsabbiltà għax skontu ħeba każ ta’ abbuż sesswali. Huwa sostna li l-Ministru Bonnici ma ħax passi. Waqt id-diskors tiegħu huwa staqsa jekk il-Prim Ministru Robert Abela huwiex f’pożizzjoni li jkeċċih fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan il-każ. Grech qal ukoll li n-nies iddejqu b’din is-sitwazzjoni u sostna li kieku ma kienx għall-midja indipendenti, kieku dawn l-affarijiet kienu jibqgħu mhux magħrufa.

Grech qal li l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għandu jara li l-Avukat Ġenerali tispjega kif waslet għal ċerti deċiżjonijiet li ħadet; filwaqt li sostna l-Prim Ministru Robert Abela għandu jsemmi min se jinħatar bħala Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards. Filwaqt li tenna l-impenn kontinwu tiegħu biex jiddiskuti dwar dawn l-irwoli mal-Prim Ministru, Grech qal li l-gvern jinsab iffukat biex iberbaq il-flus biex jikkonvinċi lin-nies bir-riklami ta’ budget tajjeb. 

Rigward it-tweġiba tal-Prim Ministru Robert Abela lill-ġurnalist ta’ Times of Malta meta mistoqsi jekk jikkunsidrax lil Lawrence Gonzi bħala President ta’ Malta fejn wieġeb li “Ma naħsibx li huwa l-persuna idonea biex jgħaqqad il-pajjiż”, Grech qal li din hija tweġiba li turi kemm Abela huwa diviżiv.

Ekonomija

Sport