Tuesday, May 14, 2024

Il-Kabinett jawtorizza lill-Ministru Abela jagħmel numru ta’ operazzjonijiet bla ħlas

Aqra wkoll

Il-Kabinett tal-Ministri awtorizza lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, il-kirurgu Jo Etienne Abela, biex jagħmel numru limitat ta’ operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika mingħajr ħlas. 

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kabinett intqal li biex wasal għad-deċiżjoni tiegħu, evalwa wkoll ġustifikazzjoni mis-Servizz tas-Saħħa Pubblika li tirreferi għal numru ta’ kundizzjonijiet tas-saħħa serji fejn il-kompetenzi tal-Ministru Abela huma meħtieġa. 

Kien spjegat ukoll li l-għarfien tal-Ministru Abela fis-suġġett huwa importanti biex jinqasam ma’ studenti u jibqa’ jiġi assigurat li dawn is-servizzi jibqgħu aċċessibbli f’pajjiżna. 

Il-Kabinett evalwa din il-proposta skont l-artiklu 7.2 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u qabel li s-servizz tal-Ministru Abela fil-kirurġija huwa meħtieġ fl-interess nazzjonali. 

L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Ministru Abela tirreferi għal numru limitat ta’ sigħat li jiġu determinati mill-esiġenzi mediċi, tapplika għal operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika biss, u mingħajr ħlas. Il-Ministru Abela mhux se jkollu pazjenti tiegħu u ser ikun qed jassisti konsulenti oħra.

Il-Ministru Abela ntalab joħroġ mill-laqgħa tal-Kabinett waqt li kienet qed tiġi diskussa din il-kwistjoni.

Sport