GREE Sliema Hotsticks kienu inkurunati bħala ċ-champions il-ġodda tal-Hockey lokali għall-istaġun 2021/2022.
Is-Slimiżi kellhom staġun ferm pożittiv fejn żammew il-konsistenza tagħhom u ħarġu rebbieħa kontra kull mistenni filwaqt li xejjnu l-isfida tar-rivali tagħhom Qormi Daikin.
Fl-aħħar partita tagħhom tal-kampjonat huma setgħu jiċċelebraw dan is-suċċess hekk kif għelbu lil White Hart 5-0.
Kienet logħba li l-Blues iddominaw mill-bidu sal-aħħar b’White Hart li ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tal-avversarji tagħhom.
Wara li David Vella Dingli poġġihom fil-vantaġġ fl-ewwel quarter, Emile Borg rdoppja fit-tieni wieħed. L-istess plejer wettaq doppjetta personali u kompla mal-gowls ta’ Christian Sammut u Chris Agius li wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjoni tal-plejers u diriġenti ta’ GREE Sliema Hotsticks li laħqu l-qofol tagħhom mal-preżentazzjoni tat-tazza mill-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud fil-preżenza wkoll tal-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Dr Clifton Grima.
White Hart: Karl Borg, Stephen Micallef, Paola Calleja, David Agius, Thomas Attard, Luke Dimech, Carl Tua, Kevin Micallef, Oliver Millard, Peter Medawar, Tristan Grixti, Glen Bonello, Oscar Toledano, Matthew Buhagiar, Keith Scicluna.
GREE Sliema Hotsticks: Nathan Julian Cardona, Ryan Dalli, Luke Brincat, Luca Runza, Shaun Grima, Ryan George, Sean De Marco, Silas Plaehn, Christian Sammut, Julian Zahra, David Vella Dingli, Karl Borg, Alessandro Amore, Christ Agius, Charlo Sammut, Emile Borg, Lukas Plaehn, Alex Bolton.
Umpires: Karl Chircop, Keith Calleja.
Sadanittant f’partita mill-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, GREE Sliema Hotsticks għelbu lil Trust Payments Floriana Young Stars 5-0.
Finalment fi tmiem din il-ġimgħa kien hawn f’Malta t-tim Ingliż ta’ Grays of Cambridge li kellu ċ-ċans jilgħab tliet partiti ta’ ħbiberija kontra timijiet Maltin. Wara li tilfu żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra Rabat (2-0) u HAM Masters (3-2), huma rebħu lil Ladies Veterans Selection 2-0.