Tuesday, May 14, 2024

Bejn illum u għada jkunu magħrufa l-finalisti tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tas-semi-finali tal-UEFA Champions League fejn it-timijiet Ingliżi jmorru jilagħbu fi Spanja, b’Villarreal jilqgħu lil Liverpool filwaqt li Real Madrid jospitaw lil Manchester City. 

Jidher li dawn il-logħ­biet se jibqgħu kumbattuti sal-aħħar fejn kollox għadu inċert … u kull team jista’ jaqta’ l-passaġġ tiegħu għall-finali li se tintlagħab fi Stade de France, f’Pariġi, fit-28 ta’ dan ix-xahar. 

Villarreal v Liverpool – Liverpool imorru jilagħbu f’El Madrigal Stadium fejn jieħdu magħhom vantaġġ ta’ żewġ goals.

Fl-ewwel, leg li ntlagħab f’Anfield, ir-Reds ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu fit-tieni taq­sima minn auto-goal ta’ Pervis Estupinian u Sadio Mane. 

L-Ispanjoli niżlu għal dan il-konfront b’tattika ul­tra difensiva u fl-ew­wel taqsima rnexxielhom jif­frustraw lit-team immexxi mill-manager Jurgen Klopp hekk kif ma ħarġux mill-kaxxar l-kbira. 

Iżda wara l-mistrieħ, Li­verpool żiedu l-pressjoni tagħhom fejn ir-rebħa setgħet kienet ferm akbar li kieku kienu aktar inċiżivi. 

Is-sigriet tal-partita tal-lum huwa min se jirnex­xielu jiskorja l-ewwel.

Jekk ikunu Liverpool li jiftħu l-iskor, ikun ifisser li l-partita tkun prattikament magħluqa. Iżda jekk il-Yellow Submarines jiskorjaw l-ewwel, allura jiftħu l-partita beraħ.  

Klopp ikkummenta li jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom u l-fatt li r-regola tal-goal away m’għadhiex fis-seħħ,  xejn m’għadu deċiż u jridu jkomplu jissieltu sas-suffara finali. 

Dan minħabba li huwa konxju mill-players li Villarreal jippossjiedu kif ukoll mill-atmosfera “ostili” mill-partitarji tagħhom. 

Bla dubju, it-team immexxi mill-coach Unai Emery jimmira biex jasal sal-ewwel finali ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuż għall-ewwel darba fl-istorja tal-club. 

Huwa se jkollu jgħaddi mingħajr Alberto Moreno, Francis Coquelin u Gerard Moreno, b’Vincent Iborra u Serge Aurier iridu joqogħdu attenti li ma jiġux ammoniti.

Liverpool ma jistgħux jinkludu lil Roberto Firmino li għandu uġigħ f’siequ filwaqt li Divock Origi hu ferm dubjuż.

Real Madrid v Man City – Din hi partita li għadha miftuħa għal kull riżultat bejn żewġ timijiet b’mentalitá offensiva. 

L-ewwel leg li ntlagħab fl-Etihad Stadium kien wie­­ħed ferm eċitanti b’Man­chester City joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-3

Kienet partita ta’ botta u risposta fejn għas-Citizens skorjaw Kevin de Bruyne, Gabriel Jesus, Phil Foden u Bernardo Silva filwaqt li għall-Madrileni Karim Benzema rreġistra doppjetta, b’goal jasal minn penalty, u Vinicius Junior.

Real Madrid għadhom ġej­jin miċ-ċelebrazzjoni­jiet tar-rebħ tat-titlu Spanjol  wara li nhar is-Sibt li għad­da ġew ippreżentati bit-trofew. B’hekk Carlo Ancelotti, sar l-ewwel l-coach li mexxa ħames timijiet differenti fl-aqwa kampjonati fl-Ewropa. 

Min-naħa tas-City, dawn għadhom qed jillidjaw il-Premier League Ingliż, b’punt fuq Liverpool meta fadal erba’ logħbiet oħra. 

Guardiola ma jistax jinkludi lil John Stones u Kyle Walker  li jinsabu mweġġgħin, bi probabbiltá kbira li dan tal-aħħar jista’ jitlef il-kumplament tal-istaġun. 

Real Madrid għandhom lil David Alaba u Gareth Bale qed jirkupraw minn injury. 

Sport