Saturday, May 4, 2024

Aktar sanzjonijiet għat-timijiet Russi mill-FIFA u mill-UEFA

Aqra wkoll

Ir-Russja ġiet imwaqqfa milli tikkompeti fl-Euro 2022 tan-nisa ta’ dan is-sajf, filwaqt li l-klabbs Russi se jkunu wkoll ipprojbiti mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA fl-istaġun li ġej.

Il-UEFA ħabbret li l-offerta tar-Russja biex tospita t-tournaments tal-Euro 2028 jew tal-Euro 2032 tal-irġiel issa hija wkoll rifjutata.

Dawn is-sanzjonijiet qed ikunu fis-seħħ wara l-invażjoni kontinwa tar-Russja fuq l-Ukrajna.

Fi Frar li għadda, klabbs u timijiet nazzjonali Russi ġew sospiżi mill-FIFA u l-UEFA u b’hekk ma tħallewx jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tagħhom. 

Nhar it-Tnejn li għadda, il-UEFA ħabbret li l-Portugall – li tilfu kontra r-Russja fil-play-offs – se jieħdu posthom fil-Euro 2022, liema tournament se jsir f’Lulju.

It-tim nazzjonali tan-nisa tar-Russja wkoll mhux se jibqa’ jikkompeti fi kwalifiki Ewropej għat-Tazza tad-Dinja tal-2023, filwaqt li t-tim tal-irġiel huwa eskluż min-Nations League 2022-23.

Huma awtomatikament jiġu kklassifikati fir-raba’ post fi Grupp 2 ta’ League B, jiġifieri se jiġu relegati fi tmiem il-fażi tal-gruppi.

Il-projbizzjoni imposta fuq il-klabbs tfisser li mhux se jkun hemm timijiet Russi fiċ-Champions League tal-irġiel u tan-nisa, l-Europa League, jew l-Europa Conference League matul l-istaġun 2022-23.

F’Marzu, il-UEFA kkonfermat li r-Russja kienet iddikjarat interess li tospita l-Euro 2028 – kif ukoll ir-Renju Unit u l-Irlanda, u t-Turkija – u l-edizzjoni tal-2032.

Il-UEFA qalet li l-offerta kienet ineliġibbli skont l-artikolu 16.02 tar-Regolamenti tal-Offerti, li jgħid li “kull offerent għandu jiżgura li ma jaġixxix b’mod li jista’ jġib lill-UEFA, lil kwalunkwe offerent ieħor, lill-proċedura tal-offerti jew lill-futbol Ewropew f’diżreputazzjoni” .

L-aħħar sanzjonijiet tal-UEFA jipprojbixxu wkoll lir-Russja mill-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena 2021-23, kif ukoll kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-futsal.

Sport