Wednesday, April 24, 2024

“Bħala missier ta’ din il-familja jiena ma niħux pjaċir li jkun hawn min hu muġugħ jew jitlaq”

Bernard Grech jikkummenta wara l-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv li ssejħet b'urġenza t-Tnejn filgħaxija

Aqra wkoll

“Dispjaċir kbir huwa li Jason Azzopardi u kull persuna oħra tintilef minn din il-familja li jien inħossni l-missier tagħha. Bħala missier ta’ din il-familja jiena ma niħux pjaċir la li jkun hemm xi ħadd muġugħ, la inkwetat u wisq anqas li jitlaq lil din il-familja”. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel kummenti tiegħu lill-midja wara l-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tard ilbieraħ filgħaxija.

Minkejja dan huwa kompla biex jgħid li jeħtieġ li nifhmu li hemm ir-regolamenti tal-partit li fost l-oħrajn jgħidu li jekk xi ħadd jixtieq jagħmel allegazzjonijiet dwar xi ħadd, għandu dritt jagħmel dan billi jmur proprju quddiem il-bord tad-dixxiplina u etika tal-partit. 

Intant fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ftit tal-ħin wara ntqal li f’laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, it-Tnejn filgħaxija l-Kunsill esprima fiduċja b’mod unanimu fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Dan wara li Jason Azzopardi naqas li jissostanzja, quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali tal-Partit Nazzjonalista, l-allegazzjonijiet li għamel fuq il-media Soċjali.

L-istqarrija tkompli li waqt il-laqgħa tal-amministrattiv kienu diskussi wkoll allegazzjonijiet dwar donazzjonijiet mogħtija lill-Partit Nazzjonalista u kien ikkonfermat li fl-aħħar snin ma ngħataw l-ebda donazzjonijiet mill-familja Fenech.

Sport