Friday, December 20, 2024

Grupp ta’ investigaturi jgħidu li solvew il-misteru tal-identità tal-qattiel Zodiac… il-pulizija ma jaqblux

Aqra wkoll

Grupp ta’ investigaturi veterani li jsejħu lilhom infushom bħala Case Breakers qalu li jemmnu li fl-aħħar solvew il-misteru tal-identità tal-qattiel Zodiac – wieħed mill-iktar serial killers magħrufin ġewwa l-Istati Uniti.

Huma qalu li l-allegat persuna li wettqet l-omiċidji kien Gary Francis Poste u dan miet fl-2018 mingħajr qatt ma tressaq quddiem il-ġustizz-ja. Il-grupp Case Breakers huma magħmul minn 40 persuna indipendenti li jinkludu eks aġenti federali, prosekuturi, uffiċjali tal-armata irtirati, ġurnalisti investigattivi u anke akkademiċi.

F’dokument li ħarġu matul din il-ġimgħa huma qalu li jemmnu bis-sħiħ li solvew il-każ u li l-qattie Zodiac huwa Gary Francis Poste. Poste miet fl-14 ta’ Awwissu tal-2018 ġewwa Groveland California fl-età ta’ 80 sena. Huwa qatt ma kien akkużat b’rabtiet mal-omiċidji li tterrorizzaw iż-żona ta’ Bay Area fis-snin 60. It-tim ta’ investigaturi voluntiera użaw evidenza fotografika u qabblu farrett evidenti li Pose kellu fuq moħħu ma’ skeċis li kienu saru tal-qattiel Zodiac snin ilu. Huma tkellmu wkoll ma’ ġirien ta’ Pose, ma’ raġel kien qal li “kien parti minn grupp kriminali ta’ Poste” kif ukoll mal-eks sieħba tat-tifel ta’ Poste.

Dan il-grupp investigattiv qal li fiż-żmien meta kienet inqatlet Cheri Jo Bates – waħda mill-vittmi ta’ Zodiac – Poste, li kien veteran tal-Qawwa tal-Ajru Amerikana, kien qed jattenti għal testijiet fi sptar li jinsab 15-il minuta biss bogħod mix-xena tad-delitt. Apparti hekk, arloġġ tal-id imċappas biż-żebgħa, li hu maħsub li kien milbus mill-qattiel, kien instab fuq l-istess xena tad-delitt. Case Breakers innotaw li Poste kien dam 40 sena jaħdem bħala bajjad. Ukoll fuq l-istess xena, kienu nstabu marki ta’ żarbun li kien intqal li huwa ta’ “stil militari”. Dawn il-marki kienu jaqblu mal-istil u d-daqs ta’ tliet każi oħrajn ta’ Zodiac u ma’ ta’ Poste wkoll.

Min-naħa tagħhom il-pulizija jidher li jinsabu mħassba ferm dwar in-numru ta’ gruppi investigattivi dilettanti li qed jipprovaw isolvu każijiet li s’issa għadhom qatt ma ġew solvuti. Il-pulizija qalu li fil-każ ta’ Poste ma tantx jista’ jkun hemm riperkussjonijiet minħabba li llum Poste huwa mejjet, iżda huma stqarrew it-tħassib tagħhom dwar riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm jekk jissemmew ismijiet ta’ persuni li għadhom ħajjin. Ġeneralment il-pulizija jistennew li jkollhom evidenza konkreta qabel isemmu l-isem tas-suspettat.

Ta’ min isemmi li rigward il-qattiel Zodiac, l-uniku persuna li kienet issemmiet uffiċjalment bħala suspettat kien Arthur Leigh Allen. Allen kien miet fl-1992. Meta l-pulizija ta’ San Franciso kienu mistoqsija dwar l-aħħar żviluppi minn Case Breakers huma qalu li ma jemmnux is-suspetti li semmew u kkonfermaw li m’għandhom l-ebda informazzjoni ġdida x’jaqsmu mal-pubbliku. Huma ddikjaraw li l-evidenza li ressqu dan il-grupp hija biss waħda ċirkostanzjali u mhix b’saħħitha.

Ekonomija

Sport