Wednesday, April 24, 2024

L-irwol tas-Servizzi Postali fil-Komunikazzjoni Moderna

Aqra wkoll

Illum jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Posta

Kulħadd jaf li fl-era diġitali tal-lum, il-posta tradizzjonali qed tonqos b’tali mod li l-pustiera llum il-ġurnata qed iqassmu aktar pakketti bix-xiri online milli ittri.  Din il-bidla diġitali ġabet magħha opportunitajiet ġodda fil-kummerċ elettroniku u b’hekk il-konsumaturi jistgħu jakkwistaw kull prodott li jridu minn ħwienet f’kull rokna tad-dinja.  L-operaturi postali madwar id-dinja għandhom irwol importanti li jġorru u jqassmu l-prodotti li jkunu inxtraw mill-ħwienet online lill-konsumaturi tagħhom.

L-evoluzzjoni tas-servizzi postali

Is-servizz postali jibqa’ mezz essenzjali għall-komunikazzjoni kif ukoll għall-kummerċ elettroniku għal ħafna nies u negozji f’Malta. L-imxija tal-Covid-19 biddlet drastikament ix-xiri tradizzjonali għal dak diġitali b’konsegwenza li l-irwol tas-servizz postali kellu jevolvi biex jakkomoda dawn ix-xejriet ġodda tax-xiri online. F’dawn l-aħħar snin sar investiment fir-riżorsi umani, fit-tqassim, fit-teknoloġija u l-proċessi postali sabiex it-tqassim ta’ dawn il-prodotti mill-kummerċ elettroniku jkun aktar effiċjenti u ta’ sodisfazzjon għall-konsumatur.  Il-kumpanija żviluppat is-servizzi tagħha biex tagħmel ix-xiri online aktar faċli għall-konsumatur lokali.   Fost dawn is-servizzi hemm dak tas-SendOn li fetaħ l-orizzonti tax-xiri online u permezz tiegħu eluf ta’ konsumatur lokali qed jixtru minn ħwienet mid-dinja kollha anki minn dawk li ma jibagħtux lejn Malta. Sadanittant, għall-introduzzjoni tal-VAT li daħlet fis-seħħ fuq il-kummerċ elettroniku kollu li ġej minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea,  l-posta nidiet sistema ġdida ta’ teknoloġija biex tħaffef ir-rilaxx tad-dwana u tgħaġġel it-tqassim tal-pakketti. Illum, il-maġġoranza tal-pakketti qed jiġu pproċessati għat-tqassim fl-istess ġurnata li jaslu f’Malta. Minn naħa l-oħra, għal dawk il-bejjiegħa lokali li jbiegħu l-prodotti tagħhom online, hemm servizz tal-eSeller li hu attrezzat apposta biex jgħinhom jegħlbu l-isfidi tal-loġistika u jilħqu swieq lokali  u anki dawk internazzjonali.

Titjib fl-effiċjenza tal-operat u responsabilità ekoloġika

Fi snin riċenti, il-posta ta’ Malta invsestiet fuq it-titjib ta’ tqassim tal-aħħar mil, (jiġifieri it-tqassim tal-pakkett mill-uffiċċji tal-posta għal għand il-konsumatur) u kabbret il-flotta favur l-ambjent. Kull vettura elettrika tal-posta mill-50 waħda li hemm, hija magħmlula apposta b’tali mod li ittejjeb l-effiċjenza fit-tqassim u tagħmel ix-xogħol aktar faċli għall-pustiera. Permezz ta’ dawn il-vetturi elettriċi, il-pustiera jsuqu komdi fl-irħula Maltin u jġorru sa 150 kilo. L-aħħar żieda fil-flotta huma l-vetturi eletriċi Bange ta’ tliet roti li jintużaw f’Għawdex. Il-Yokler pedelecs jintużaw fit-toroq dojoq taż-Żejtun filwaqt li l-Paxters jintużaw f’diversi lokalitajiet f’Malta.

Din il-flotta ma kinitx l-unika soluzzjoni biex tagħmel it-tqassim tal-kummerċ elettroniku aktar favur l-ambjent. Il-Posta nidiet firxa wiesgħa ta’ Parcel Lockers disponibbli għall-ġbir ta’ pakketti 24 siegħa kuljum.  Dawn il-lockers li jinsabu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex huma ta’ benefiċċju għall-ambjent għax pemezz tagħhom tnaqqsu drastikament il-vjaġġi tat-tqassim. F’dawn l-aħħar sentejn il-posta rat żieda fl-użu tal-Parcel Lockers b’mhux inqas minn 136,000 pakkett li ġew imqassma fihom.  L-iktar lockers li jintużaw huma dawk tal-Mosta, Ħaż-Żabbar, Birkirkara u San Pawl il-Baħar.

Dawn l-investiment mis-servizz nazzjonali tal-posta kien neċessarju biex jilqa’ d-domandi tal-konsumatur li dejjem qed jinbidlu skont iż-żmien. Il-posta nazzjonali se tibqa’ tinvesti biex tagħmel il-proċessi tal-kummerċ elettroniku aktar faċli u konvenjenti għall-klijent.

Sport