Ema tniedi s-single l-ġdid tagħha “IMĦABBA”, kanzunetta personali li tħares lura lejn ċkunitha u lejn vjaġġ mimli tfittxija, xewqat u, eventwalment, is-sejba ta’ dik l-imħabba li għal tant żmien xtaqet f’ħajjitha.
B’mużika ta’ Philip Vella, kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Sean Vella, “IMĦABBA” tittratta x-xewqa għal familja u għal sens ta’ appartenenza. Il-kanzunetta tibda permezz tal-ħarsa ta’ tifla li, minkejja li kellha mħabba madwarha, kienet konxja li l-esperjenza tagħha kienet differenti minn dik ta’ tfal oħra.
Hekk kif tiżvolġi l-kanzunetta, din it-tfittxija tinbidel f’xewqa dejjem aktar ċara: l-imħabba ta’ familja, ta’ omm u ta’ missier, kif ukoll il-ħolma li xi darba Ema tkun tista’ tibni d-dar u l-familja tagħha. “IMĦABBA hija kanzunetta li nħossha qrib ħafna tiegħi għaliex tirrakkonta emozzjonijiet u xewqat li ilhom miegħi minn meta kont żgħira. Titkellem dwar dak li fittixt, dak li xtaqt u, fuq kollox, dwar dak li llum nista’ ngħid li sibt. Nittama li kull min jisma’ l-kanzunetta jkun jista’ jsib parti minnu nnifsu fiha wkoll,” tgħid Ema.
Wieħed mill-elementi ewlenin ta’ “IMĦABBA” huwa l-mod kif il-kliem jimxi minn “fittixt”, għal “xtaqt”, u finalment għal “sibt”. Dak li fil-bidu jidher bħala vojt u xewqa, lejn l-aħħar tal-kanzunetta jsib ir-riżoluzzjoni tiegħu hekk kif Ema tkanta dwar l-imħabba li fl-aħħar sabet.

Ma’ “IMĦABBA” jitnieda wkoll lyric video li jkompli jwassal din l-istorja b’mod viżiv. Il-filmat jinkludi tpinġijiet ibbażati fuq ritratti reali minn mumenti differenti fil-ħajja ta’ Ema, fosthom ritratti minn tfulitha. B’hekk, l-immaġini jagħtu dimensjoni oħra lill-kliem u jippermettu lill-pubbliku jiskopri parti mill-vjaġġ personali li hemm wara l-kanzunetta.
Filwaqt li “IMĦABBA” titwieled minn esperjenza personali, is-suġġetti tagħha huma universali. Ix-xewqa li wieħed iħossu maħbub, li jappartjeni u li jsib il-post tiegħu huma emozzjonijiet li jistgħu jolqtu lil ħafna nies, anke jekk l-istorja tagħhom tkun differenti minn dik ta’ Ema.
“IMĦABBA” hija disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha, bid-distribuzzjoni tas-single f’idejn CAP-Sounds.






