Il-Ministru Anton Refalo flimkien mal-Ministru Keith Azzopardi Tanti, ħabbru d-dettalji ta’ Festa Ħut, li ser tittella’ f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk, fl-20 ta’ Settembru bejn is-6:00pm u l-11:00pm.

Festa Ħut tiċċelebra s-settur tas-sajd Malti, tirrikonoxxi l-ħidma tas-sajjieda lokali u tqajjem aktar għarfien dwar il-kwalità u l-varjetà tal-ħut lokali, permezz ta’ programm edukattiv, gastronomiku u ta’ divertiment għall-familja kollha.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li Festa Ħut hija okkażjoni importanti biex jiġi rikonoxxut il-kontribut tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. “Is-sajjieda tagħna huma parti importanti mill-identità marittima ta’ pajjiżna u għandhom irwol essenzjali fil-provvista ta’ prodott frisk u lokali. Permezz ta’ Festa Ħut irridu nkomplu nagħtu valur lill-ħidma tagħhom u nħeġġu lill-konsumatur jiskopri aktar il-varjetà u l-kwalità tal-ħut lokali,” qal il-Ministru Refalo.
Matul l-attività ser jingħataw ukoll numru ta’ trofej bħala rikonoxximent għall-ħidma u d-dedikazzjoni tas-sajjieda lokali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza tal-fondi Ewropej biex jiġu sostnuti inizjattivi li jsaħħu s-settur tas-sajd u jqarrbu l-prodott lokali lejn il-konsumatur. “Dan l-investiment mhux biss jiċċelebra l-prodott lokali, iżda jqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien tal-ibħra, jippromwovi konsum sostenibbli tal-ħut u jappoġġja lis-settur tas-sajd. Bħala Gvern kommessi li nkomplu nattiraw il-fondi Ewropej, ninvestuhom b’responsabbiltà u niżguraw li kull ewro jissarraf f’investiment konkret li jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” qal il-Ministru Azzopardi Tanti.

Din is-sena ser tingħata attenzjoni partikolari lil speċijiet ta’ ħut li għadhom mhumiex ikkunsmati biżżejjed, fosthom l-Aċċol, il-Kubrit, it-Tumbrell, is-Sawrell u ċ-Ċinturin. Chefs professjonali ser juru kif ħut lokali inqas magħruf jista’ jiġi ppreparat u msajjar, bil-pubbliku jingħata wkoll l-opportunità li jduq il-prodott.
Il-Fish Hawkers ser ibiegħu ħut frisk direttament lill-pubbliku, filwaqt li ser ikun hemm stands edukattivi u informattivi, Kids Area, attivitajiet dwar is-sajd u boat tours minn Xatt is-Sajjieda.
Il-Main Stage ser joffri divertiment minn artisti lokali, filwaqt li l-BBQ Area u diversi stands kulturali ser ikomplu jżidu mal-esperjenza tal-attività.
Festa Ħut qed tittella’ b’kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (EMFAF), bħala parti mill-ħidma biex jissaħħaħ is-settur tas-sajd, jiġi promoss il-prodott lokali u jiġi nkoraġġit konsum aktar varjat u sostenibbli tal-ħut.

