Il-partita tal-UEFA Europa League bejn Besiktas u Hapoel Beer-Sheva ġiet interrotta wara li nqalgħu konfronti bejn partitarji ta’ Besiktas u l-pulizija Ġeorġjana fl-istadium ta’ Batumi, f’Georgia.
Il-logħba twaqqfet madwar 25 minuta wara li l-pulizija intervjeniet kontra partitarji li kienu qed juru bnadar u banners Palestinjani. Rapporti qalu li l-uffiċjali użaw pepper spray u lembubi, u dan wassal għal konfronti mal-partitarji.
Is-sitwazzjoni eskalat, b’partitarji jikkonfrontaw lill-forzi tas-sigurtà u allegatament bdew jagħmlu ħsara lis-siġġijiet u jitfgħuhom lejn il-pulizija. Partitarju kellu jittieħed fuq stretcher, filwaqt li players ta’ Besiktas resqu lejn il-partitarji tagħhom biex jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Ir-referee Morten Krogh waqqaf il-logħba u bagħat iż-żewġ timijiet u l-uffiċjali fid-dressing rooms waqt li l-forzi tas-sigurtà ppruvaw jerġgħu jistabbilixxu l-ordni.
Il-partita kienet diġà ġiet trasferita minn Istanbul għal Batumi Stadium minħabba tħassib dwar is-sigurtà, iżda l-konfronti fil-ground wasslu għal interruzzjoni ta’ madwar 40 minuta.




