Nhar il-Ġimgħa, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fil-limiti ta’ Marsamxett, il-Belt Valletta, ġiet innutata vettura Skoda Fabia, li aktarx kienet qed tintuża b’rabta mat-traffikar tad-droga. Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin isegwu din il-vettura, f’ħin minnhom waqfet fejn ġie nnutat li x’aktarx kien qed isir traffikar ta’ droga bejn xi persuni. Ix-xufier tagħha ġie identifikat bħala raġel ta’ 26 sena residenti Marsaskala.
Għaldaqstant, hekk kif il-Pulizija pproċedew għall-arrest, ir-raġel ħarab bil-vettura u beda jsuq b’manjiera perikoluża, iżda twaqqaf aktar ‘il fuq wara li ħabat. Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 19-il sena residenti l-Mosta. Iż-żewġ persuni ġew arrestati.
Tfittxija fil-karozza rriżultat fis-sejba ta’ diversi pakketti bid-droga suspettata kannabis sintetika, madwar €1,000 fi flus kontanti u żewġ mowbajls.
Huma qed jinżammu mill-pulizija sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet, waqt li r-raġel se jitressaq il-Qorti llum.

