Thursday, December 26, 2024

Grupp ta’ sitt persuni fosthom ħamsa taħt l-eta’ mixlija li aggredew żagħżugħ ta’ 16-il sena

Aqra wkoll

Ħames minorenni u Aicha Mariah ta’ 20 sena tressqu l-Qorti mixlija li aggredew żagħżugħ ta’ 16-il sena u serquh. 

Fil-Qorti ntqal li l-każ seħħ is-Sibt li għadda fil-Floriana, meta l-Pulizija kienet infurmata li ż-żagħżugħ safa aggredit minn grupp ta’ sitt persuni.

Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Joseph Mifsud kif l-imputati kienu serqu l-basket tal-vittma li kien fih 90 ewro. Żied jingħad li l-vittma ġarrab ġreħi gravi f’wiċċu u f’idejh. Minn aktar stħarriġ irriżulta li waqt l-inċident intużat ukoll sikkina żgħira. 

Huwa mifhum li l-aggressjoni seħħet wara battibekk li kellu l-vittma mal-eks sieħba tiegħu, bl-imputati allegatament imorru għalih, iħebbu għalih u jisirqulu l-flus. 

L-imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li l-vittma, li jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei, għad irid jixhed. 

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirmaw darba fil-ġimgħa fl-għassa u taħt garanzija personali ta’ 2,000 ewro kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Daryl Borg, Stephen Gulia u Shawn Pawney flimkien mal-Avukat Kenneth Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Ishmael Psaila, Adreana Zammit, Dustin Camilleri u Alexia Attard.

Ekonomija

Sport