It-tennista Maltija Francesca Curmi ma rnexxiliex tgħaddi għall-finali tal-individwali tan-nisa hekk kif dalgħodu tilfet is-semifinali kontra Marie Wekerle tal-Lussemburgu 2-1.
Curmi bdiet tajjeb din il-finali hekk kif rebħet l-ewwel set bl-iskor ta’ 6-3.
Biss fil-bidu tat-tieni set, deher li t-tennista maltija kellha xi problemi fiżiċi tant li sejħet għat-tabib u l-fiżjoterapista. Hija xorta kompliet il-logħba biss ma kenitx fl-aqwa tagħha u tilfet it-tieni set 6-1.
Sfortunatament Curmi tilfet ukoll it-tielet set bi skor ta’ 6-2 biex ma rnexxiliex tgħaddi għall-finali ta’ għada. B’hekk Curmi kellha tikkuntenta bil-midalja tal-bronż.
Ta’ nota li Francesca Curmi terġa’ tkun fl-azzjoni aktar tard wara nofs-in nhar fil-finali tad-doppji tan-nisa flimkien ma’ Elaine Genovese.
Minn hawn u ftit ieħor ikun fl-azzjoni wkoll tennista ieħor malti, Alex De Gabriele, din id-darba fis-semi-finali tal-individwali tal-irġiel.