Minn Cristian Muscat – ritratt: Christine Borg
Sliema Wanderers …2
Gudja United ………..3
B’mod mill-aktar meritat Gudja United għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 3-2 biex komplew ikabbru l-kriżi tal-Blues li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.
Gudja United fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni perikoluża, fl-20 minuta, permzz ta’ xutt mid-distanza ta’ TEMITOPE ABDUL bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Iżda l-Wanderers wettqu reazzjoni f’waqtha u erba’ minuti biss wara għamlu l-iskor indaqs meta MIGUEL FERNANDES kien fil-pożizzjoni preċiża u permezz ta’ xutt minn taħt il-lasti tefa’ l-ballun fix-xibka.
Huma komplew jippressaw bit-tama li jaqilbu l-iskor favur tagħhom u fit-32 minuta, Valmir Berisha, li kien għadu kemm ġie ammonit żewġ minuti biss qabel, ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ġie salvat minn mal-art mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper, Glenn Zammit, li f’din il-partita kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tiegħu.
Gudja wieġbu fil-41 minuta meta Gabriel Mensah wara li qabeż difensur avversarju kellu xutt mid-distanza li għadda ftit għoli.
Iżda tliet minuti wara kienu Sliema li marru fil-vantaġġ meta Gabriel Aquilina għadda tajjeb lejn VALMIR BERISHA li mill-viċin spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Madankollu fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Gudja ħarġu ferm aggressivi u fil-51 minuta MARCELO DIAS avvanza fil-kaxxa, ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Timmy Aquilina, u spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Huma komplew jinsistu u seba’ minuti wara reġgħu marru fil-vantaġġ meta l-awtur tat-tieni goal Marcelo Dias serva fuq platt tal-fidda lil RUSLAN KISIL li mill-viċin tefa’ l-ballun wara Timmy Aquilina.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Gudjani u fis-60 minuta, Marcelo Dias, bla dubju l-aqwa player fost sħabu, xeħet cross-shot fil-baxx għan-nofs b’Kisil inkreddibilment ma jirnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun.
Fit-78 minuta, kien Aquilina li ċaħħad lil Mensah milli jkompli jkabbar l-iskor għal Gudja.
Sliema W.: 1-Timmy Aquilina, 5-Kurt Shaw, 6-Gabriel Aquilina, 10-Inters Gui, 11-Miguel Fernandes (72-Raphael Kooh Sona 81), 18-Edmond Agius (20-Sebastian Grech 46), 21-Danny Holla (3-Pablo Morales 67), 61-Myles Beerman (9-Omar Elouni 67), 71-Julius Bliek, 88-Dejan Vukovic (19-Jake Engerer 89), 99-Valmir Berisha – Coach: Andrea Pisanu
Gudja U.: 1-Glenn Zammit, 5-Louis Beland-Goyette, 8-Rodolfo Soares, 17-Gabriel Mensah, 19-Ruslan Kisil, 22-Hubert Vella. 23-Llywelyn Cremona (9-Tensior Gusman 62), 28-Igor Dudarev 81-Neil Anthony Micallef, 92-Ternitope Abdul (11-Filip Pankarican 62), 99-Marcelo Dias – Coach: Thane Micallef
REFEREE: Andrea Sciriha
ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Shaun Calleja
RABA’ UFF: Etienne Mangion
SKORERS: T. Abdul 20, M. Dias 51, R. Kisil 58 (GU), M. Fernandes 24, V. Berisha 44 (SW)
AMMONITI: E. Agius, V. Berisha, I. Gui, K. Shaw, M. Fernandes, J. Bliek (SW), F. Pankarican (GU)
PLAYER TAL-LOGĦBA – Marcelo Dias (Gudja U.)